Joseph Muscat igħid li jaqbel li l-ħadma tal-isptarijiet tiġi mgħoddija mill-għarbiel. Tafu kif?  Ippermettuli nfiehemkom xi jrid ifisser b’diskors bħal dan. Ma jridx ifisser li, kemm il-darba nkomplu ngħarblu l-kuntratt, m’aħna ser insibu xejn ħażin. Iżda jrid ifisser li, aktar jiġi mgħarbel il-kuntratt, aktar ser jinkixef ħmieġ u aktar ser jinkixfu aktar persuni mċappsin. Joseph Muscat qed iserraħ fuq il-fatt li dawk li mhux bi ħsiebhom jgħinuh iżomm fil-wiċċ, ser ikollhom jinżlu fil-qiegħ u jegħrqu miegħu.

Araw x’kien ingħad fi stqarrija uffiċjali tal-gvern li kkwotat dak li Chris Fearne kien qal lil kumitat parlamentari fis-sens li l-gvern kien kuntent bl-iskrutinju li sar fuq il-ħadma tal-isptarijiet. Ippermettuli nikkwota:

“Il-Ministru Fearne qal li l-gvern m’għandu xejn x’jaħbi. Iżda dan m’huwiex kollox. Dan il-proġett, li ser jikkonsisti fil-bini ta’ sptar f’Għawdex b’450 sodda, ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni u turiżmu mediku fl-Isptar San Luqa, ta’ sptar ġerjatriku f’Karin Grech u tal-iskola medika ta’ Barts, huwa ta’ unur għall-gvern u ser ikollu impatt pożittiv fuq il-kura medika u fuq l-ekonomija tal-pajjiż.”

Tassew kliem meqjus meħud minn stqarrija li Fearne kien għamel fil-Parlament fil-5 ta’ Diċembru 2016. F’Malta kollox jimxi b’pass ta’ nemla, iżda jimxi xorta waħda. Minn dakinhar ‘l hawn, l-Awditur Ġenerali xandar numru ta’ rapporti dwar l-isptarijiet u għad fadallu aktar rapporti xi jxandar.

F’rapport li kien xandar f’Diċembru 2021, l-Awditur Ġenerali qal li kien jonqsu jikteb rapport  “li għandu jgħarbel il-mod dwar kif il-konċessjoni għaddiet mingħand VGH Ltd u VGH Management Ltd għal għand Steward Health Care.”

Nittama li dan ir-rapport ma jdumx ma jixxandar. Diġà nafu li dak li kien bassar il-Ministru Fearne dwar il-bini ta’ sptarijiet ġodda, dwar turiżmu mediku – dan biex ma nsemmix l-unur li kien ħass il-gvern –  dwar kura medika aħjar u dwar ġid ekonomiku, kien biss ħolm.

Issa jeħtieġ li naraw il-mod kif Steward Health Care “ħadmet” il-falliment u l-qerq tal-VGH. B’dak kollu li għad irid jinkixef, Chris Fearne u Robert Abela x’aktarx li ser ikollhom jerġgħu igħidu li m’għandhomx għalfejn jiskużaw ruħhom għad-diżastru li ġabu b’idejhom. X’aktarx li ser insiru nafu b’aktar intriċċi u b’aktar raġunijiet ‘l għala l-pulizija, illum qabel għada,  għandha tieħu passi bil-qorti kontra kull minn kien responsabbli għal dan id-diżastru.