Ritratt: The Malta Independent

Wara li sa fl-aħħar ixxandar rapport intern li kkonkluda dak li ilna konna nafu bih kemm ilu li kien siefer lejn Las Vegas minn fuq dahar Yorgen Fenech, Joseph Cuschieri mhux biss wieġeb li, skont hu, ma kien għamel xejn ħażin. Wieġeb li ma jaħsibx li kien għamel xi ħaġa ħażina u, mid-dehra, l-fehma tiegħu hi aktar importanti minn dak li jgħidu r-regolamenti li kien kiser huwa stess.

Dan ir-rapport ixxandar ftit jiem wara li xxandru l-famużi chats li għaddew bejn Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar li fihom, minbarra dettalji intimi, tkellmu dwar l-avventuri li kellu Yorgen Fenech barra ż-żwieġ ma’ nisa oħrajn. Hawn kienu qed jirreferu għal Charlene Bianco Farrugia li ma kienitx xi mara kwalunkwe. Din kienet uffiċjal li taħdem fl-uffiċċju tal-prim ministru u, għal xi żmien, kienet l-assistenta personali ta’ “Keith”, iċ-chief of staff tal-prim ministru.

Hawn forsi min igħid li dan kien kunflitt ta’ interess għal Bianco Farrugia u mhux Joseph Cuschieri u għall-vjaġġatura l-oħra Edwina Licari.

Il-kunflitt ta’ interess ta’ Joseph Cuschieri kien aktar kumplikat minn hekk. Huwa kien aċċetta li jsiefer ma’ u a spejjeż ta’ Yorgen Fenech fi żmien li matulu kien xhud f’kawża dwar allegata estensjoni llegali tal-liċenzja tal-casinò f’Portomaso ta’ Yorgen Fenech u li tiegħu Joseph Cuschieri kien ir-regolatur.

Ir-regolamenti tal-MFSA jgħidu li “membri tal-istaff m’għandhomx jitolbu jew jaċċettaw xi vantaġġ jew xi wegħda ta’ vantaġġ mingħand terzi persuni jew mingħand xi kumpannija li tkun f’negozjati mal-Awtorità jew hi liċenzjata mill-Awtorità jew li tipprovdi servizz lil dawk li jingħataw liċenzja.”

Skont Joseph Cuschieri, huwa ‘ma ħassx li kellu xi kunflitt’ u ‘kien jiddikjara l-kunflitt’ li kieku ħass li dan kien jeżisti. Din il-kwalità ta’ loġika tixbaħ lill-istess loġika li lliberat lil  Edwina Licari, li wkoll kienet għamlet il-vjaġġ, għaliex instab li din ma kienet għamlet xejn ħażin u li kienet iddikjarat il-kunflitt ta’ interess tagħha billi naqset li tieħu sehem f’deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet li jolqtu lil Yorgen Fenech.

Joseph Cuschieri ma kien għamel xejn minn dan kollu iżda stqarr li x-xogħol marbut mal-MFSA għalih kien wieħed ġdid u li f’post żgħir bħal Malta huwa diffiċli li wieħed iżomm ruħu l-bogħod minn ħaddieħor u minn kulħadd.

Fil-fehma tiegħi, dan kollu għaliex Edwina Licari kienet iddikjarat il-kunflitt ta’ interess tagħha dakinhar li aċċettat li tivvjaġġa lejn Las Vegas a spejjeż ta’ Yorgen Fenech,  m’għandux ifisser li kellha tiġi eżonerata mir-responsabblità. Min – biex inġib eżempju – jaċċetta li jixxaħħam ma jinħafrulux dnubietu għax ikun iddikjara għat-taxxa l-flus li jkun irċieva f’butu mit-tixħim.

Bħala uffiċjal governattiv, regolatur ma jinħafirlux l-obbligu li jevita l-kunflitti ta’ interess għax sempliċement ikun iddikjarahom. Uffiċjal jista’ jsib ruħu f’dilemma li huwa stess ma jkunx ġab b’idejh bħal, per eżempju, meta jkun hemm regolatur li jiġi minn sid ta’ negozju tal-gaming. F’każ bħal dan, wieħed għandu dejjem jiddikjara l-interess tiegħu. Iżda jidhirli li f’dan il-każ ir-regolatur kien messu m’aċċettax stediniet għall-ivvjaġġar lejn Las Vegas minn klijent regolat bħalma hu Yorgen Fenech u l-aċċettazzjoni ta’ stedina bħal din ma messhiex saret. Iżda jidher li min ħejja r-rapport tal-inkjesta interna fl-MFSA ma qabilx mal-fehma tiegħi.

Joseph Cuschieri għadu jinsisti li huwa innoċenti u qed joħroġ bi skużi mill-aktar banali. Stqarr li ‘ma jidhirlix li kont żbaljat u għaldaqstant ma kontx żbaljat’. Tgħid ser nibdew bil-kriminali jieħdu passi bil-qorti kontrihom infushom, jiġġudikaw lilhom infushom u jwaħħlu l-kastigi fuqhom infushom għal għemilhom? Tgħid li issa ser nibdew inħallu f’idejn uffiċjali pubbliċi li jkunu nqabdu jixxaħħmu biex jiddeċiedu dak it-tixħim kienx influwenzalhom għamilhom u d-deċiżjonijiet li jkunu ħadu?

Ir-relazzjoni li Yorgen Fenech kellu ma’ Joseph Cuschieri ma qajjmitx l-interess li qajjmu ċ-chats li kellu ma’ Rosianne Cutajar u dan minkejja l-fatt li bis-saħħa tagħhom sirna nafu b’dettalji dwar x’seta’ seħħ tul il-vjaġġ f’Las Vegas.

Iżda huwa fatt li r-relazzjoni li Fenech kellu ma’ Cuschieri titfa’ dawl qawwi fuq il-korruzzjoni kbira li nfirxet matul l-għaxar snin ta’ gvernijiet immexxijin minn Muscat u Abela. Xi kritiċi nofs kedda tal-gvern ta’ sikwit isemmu l-“qrubija” ta’ bejn “in-negozju” u s-setgħa politika. Din m’hi qrubija xejn iżda fil-fatt hi relazzjoni qaqoċċa. U m’hix man-“negozju” iżda hi sitwazzjoni fejn il-politika ssir ħaġa waħda mal-kriminalità.

U jekk int mingħalik li nbidlu l-affarijiet ftakar li Joseph Cuschieri sal-bieraħ stess stqarr għal darb’oħra li fil-fehma tiegħu ma kien għamel xejn ħażin.

U dan, skont hu, għandu jkun biżżejjed għalina.