B’mod konsistenti s-sondaġġi jindikaw li wieħed minn żewġ realtajiet – li kważi ma nbidlu qatt mill-2008 ‘l hawn – issa ħa xejra ġdida. Ir-realtà li baqgħet magħna hi dik li turi li, kieku kellha ssir elezzjoni għada, tal-Labour għandhom jirbħu b’maġġoranza komda. Iżda l-vantaġġ li huma għandhom illum huwa bil-bosta akbar minn kull vantaġġ li seta’ qatt kellhom tal-PN fuq tal-Labour fl-istorja politika Maltija.
Dak li nbidel hu li tal-Labour tilfu l-appoġġ tal-maġġoranza fil-pajjiż. M’għadx għandhom garanzija ta’ popolarità perpetwa. Il-maġġoranza tal-poplu Malti trid li l-pajjiż jaqbad triq oħra u li kieku kellhom għażla, kienu jagħżlu triq oħra. Iżda bħala alternattiva kulma hemm illum huwa l-PN. U madwar nofs dawk li ddikjaraw li tilfu l-fiduċja fil-Gvern Laburista m’humiex igħidu li jridu lill-PN fil-gvern.
Wieħed għandu japprezza li l-politika m’għandhiex tkun kompetizzjoni bejn żewġ għażliet biss. Ma teżisti ebda garanzija storika li ż-żewġ partiti, jew wieħed minnhom, ser jibqgħu jeżistu għal dejjem. Iżda sakemm jinqala’ xi ħadd b’alternattiva li n-nies iqisuha bħala għażla vijabbli, l-possibilità tat-tielet jew ir-raba’ għażla ser tibqa’ waħda fl-arja.
Aħna u nitħaddtu dwar dak li huwa meqjus possibbli, ma nistgħux ngħalqu għajnejna għal dak li jitqies li hu probabbli. Għalkemm huma bosta dawk li għandhom għalxiex jixxenqu li jaraw aktar kwalità fil-ħajja politika u aktar pluraliżmu f’dik li hu n-numru ta’ partiti, jeżisti riskju li dawk li ma jridux jafu biż-żewġ partiti ewlenin jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil partiti estremisti li ma jemmnux fil-moderazzjoni demokratika. Għalkemm jeħtieġ nirrikonoxxu li l-appoġġ għall-partiti ewlenin qed jonqos ġmielu, dan it-tnaqqis fl-appoġġ mhux bilfors ser jissarraf f’politika aktar moderata b’xejra ċentrista.
X’aktarx li r-riżultat ta’ dan it-tnaqqis fl-appoġġ ser iwassal għal aktar populiżmu, jew aħjar, verżjoni aktar razzista u rgħiba tal-Partit Laburista tal-lum.
Din hi r-raġuni l-għala, huma x’inhuma x-xewqat li jista’ jkollna, Malta teħtieġ forza politika alternattiva li tkun tista’ tirbaħ lill-Partit Laburista elettoralment u li mbagħad tkun tista’ tieħu r-riedni tal-gvern tal-pajjiż, tmexxih skont ir-regoli tas-saltna tad-dritt, tiggarantixxi l-ġustizzja soċjali, tippromwovi l-vijabilità ekonomika, tħejji lill-pajjiż għall-emerġenza klimatika, treġġa’ lura d-diżastru ambjentali li hawn fil-pajjiż, tirrispetta u tħares id-drittijiet tal-bniedem u tmexxi b’għaqal.
Ebda gvern li kellha Malta ma kien wieħed perfett. Ċertament il-gvernijiet tal-PN kien hemm ħafna x’wieħed jikkritika fihom. Iżda huwa minnu wkoll li kull gvern tal-PN li kellha Malta mexxa b’ċertu għaqal u moderazzjoni li lill-pajjiż tawh perijodi twal ta’ normalità, jekk mhux ukoll ta’ rivoluzzjoni soċjali.
Dan ma nistgħux ngħiduh għall-PN tal-lum. M’għadux l-istess partit li kien dari – inbidlu n-nies, l-attitudnijiet u l-programm. M’jinix nipprova nitfa’ dawl ikraħ fuq il-PN tal-lum jien u nipparagunah ma’ kif seta’ kien dari. Kulma qed ngħid hu li wieħed ma jistax jasal biex jagħmel il-paraguni għaliex, fost l-elettorat tal-lum, ftit huma dawk li jistgħu jifhmu b’ċertezza xi jfisser eżatt il-PN, min hu u għaliex jista’ jkun alternattiva aħjar għall-mostrożità ta’ gvern li għandu l-pajjiż bħalissa.
Lejlet l-elezzjoni tal-2013 Joseph Muscat kien ipprovda soluzzjonijiet li l-PN llum ma jistax jipprovdihom. Huwa minnu li s-soluzzjonijiet li kien ipprovda ħafna drabi kienu msejsin fuq il-gideb u jkun dejjem aħjar jekk, minflok jigdeb, wieħed jibqa’ b’fommu sieket. Iżda s-skiet ma jwassalx biex iserraħ l-imħuħ.
Illum il-PN nistgħu ngħidu li huwa ċar fuq kwistjoni waħda: huwa kontra l-abort f’kull ċirkostanza. Għallinqas din il-politika ċara isservi biex isserraħ l-irjus ta’ xi wħud u tnaffar lil oħrajn.
Iżda n-nies ta’ sikwit tistaqsi mistoqsijiet oħra dwar l-alternattiva għall-gvern. Per eżempju: li kieku l-PN kellu jieħu l-gvern għada, min ser ikun il-ministru tal-finanzi? X’inhi l-politika tal-PN dwar ir-rata tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji? Il-PN ser jadotta politika li tnaqqas ir-ritmu ta’ żvilupp fil-bini jew waħda li treġġgħu lura? Il-PN xi pjan għandu mħejji biex jikkontrolla l-għoli tal-ħajja u l-għoli fil-prezz tal-proprjetà, biex iġarraf l-ostakli li hemm fis-sistema bankarja u biex jeqred id-diskriminazzjoni f’dik li hi akkomodazzjoni soċjali?
Il-PN fassal xi politika ġdida dwar l-integrazzjoni tal-immigranti? Għandu xi ideat speċifiċi dwar riformi meħtieġa fl-iskejjel tal-gvern?
Fejn għandha x’taqsam l-attività ekonomika aktar sostenibbli, x’inhi l-viżjoni tal-PN? X’pjanijiet għandu biex jilqa’ għall-ħtiġijiet il-ġodda fil-qasam tax-xogħol?
X’inhi l-politika tal-PN dwar is-sigurtà nazzjonali f’dinja li qed tinbidel? Kif ser jinbidlu r-relazzjonijiet li għandna mal-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, mal-Istati Uniti, mar-Russja, mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u maċ-Ċina?
X’pjanijiet għandu l-PN biex il-pajjiż jagħmel tajjeb għal dak kollu li tlifna fil-qasam tas-saħħa? Ser jittejbu l-pagi tal-infermiera u tal-qwiebel u, jekk iva, kif ser iseħħ dan it-titjib?
L-infrastruttura tat-trasport fil-pajjiż ser tinbidel? Jekk iva, kif ser jiġi finanzjat dan it-tibdil?
Nista’ nibqa’ sejjer b’dawn il-mistoqsijiet. Dawn il-mistoqsijiet m’għamilthomx għaliex qed nistenna’ li jkolli tweġiba iżda għaliex il-PN ma jista’ qatt jippretendi li jerġa’ jirbaħ il-fiduċja tal-poplu jekk ma jkollux il-ħila li jwieġeb b’mod konvinċenti għal dawn il-mistoqsijiet. Jew, biex ngħidha mod ieħor, il-PN jista’ jibda’ jittama li jitla’ fil-gvern dakinhar li l-poplu jkun diġa fehem it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet.
Bħalissa dak li jista’ joffri l-PN huwa l-wegħda dubjuża li l-ġlied intern issa għadda. Iżda dan m’huwiex biżżejjed.
Illum il-politika m’hix bandla. In-nies li jabbandunaw partit m’hux bilfors li jaqgħu f’ħoġor il-partit oppost. It-telf ta’ voti li qed iġarrab il-Partit Laburista bħalissa m’humiex isarrfu f’żieda fil-voti għall-PN.
Il-PN jeħtieġ li jibda’ jżid fil-voti mhux għaliex partit qiegħed hemm biex jirbaħ l-elezzjonijiet. Jeħtieġ li mmorru lil hinn minn konsiderazzjoni bħal din. Il-PN jeħtieġ li jħejji ruħu biex jieħu r-riedni tal-pajjiż għaliex il-pajjiż dan ma jistax igħaddi mingħajru. Sentejn ilu l-pajjiż kien jeħtieġ alternattiva għall-gvern Laburista iżda forsi ma kienx konxju ta’ din il-ħtieġa. Dan m’għadux il-każ. Jidher li l-pajjiż reġa’ beda’ jdawwar ħarstu lejn il-PN iżda għadu qed jara bosta nuqqasijiet.
Il-PN jeħtieġ li jirbaħ il-fiduċja tal-elettorat. Iżda armat kif inhu llum b’ġenerazzjoni ta’ mexxejja potenzjali limitata u b’grupp ta’ membri parlamentari li m’għandux esperjenza f’dik li hi tfassil tal-politika – aħseb u ara esperjenza tal-gvern – dan kollu jidher bħala għan impossibbli.
Madankollu dan m’għandux jaqta’ l-qlub.
Għalkemm l-għan jidher impossibbli, jeħtieġ li jsir sforz biex il-vapur jitwassal fil-port.