Kull min għadu qed jittama li l-konversazzjonijiet tal-WhatsApp li nkixfu u li għaddew bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech huma foloz għandu jifhem li Rosianne Cutajar stqarret pubblikament li dawn il-konversazzjonijiet huma awtentiċi.

Illum talbet lill-qorti u lill-avukat ġenerali biex “jittieħdu passi” kontra Mark Camilleri talli dan xandarhom. Li kieku ma kienux awtentiċi, ma kienitx tieħu l-pass li ħadet. Niżżuha ħajr talli kkonfermat kollox. Iżda, ngħiduha kif inhi, għal min ħa l-paċenzja kollha li joqgħod jaqrahom, mal-ewwel daqqa t’għajn dawn deheru awtentiċi biżżejjed.

Hemm qawl li jgħid li min isib ruħu f’ħofra m’għandux ikompli jħaffer. Iżda dawk li jippretendu li dejjem għandha tgħaddi tagħhom, ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi, tistgħu tibqgħu ċerti li ser jibqgħu jħaffru. Meta esprimiet ir-rabja tagħha għall-fatt li Joseph Muscat ma kienx ħatarha ministru, lil Yorgen Fenech qaltlu li tiġi taqa’ u tqum u li, biex tikkonsla, kien bi ħsiebha terda’ salarju ieħor fuq dak li diġà kellha minn fondi pubbliċi.

U issa qed titlob lil tnejn mill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna biex jarrestaw ġurnalist talli dan xandar dak li hi stess indirettament ammettiet li huwa minnu  u li diġà hu magħruf li huwa fl-interess pubbliku għaliex jittratta dwar l-imġieba tagħha bħala persuna pubblika.

Kompli ħaffer Ros.