Waqt laqgħa li saret bejn il-mexxejja tal-koalizzjoni tal-gvern Taljan, Forza Italia – l-partit politiku ta’ Silvio Berlusconi – għadu kemm assikura li persuna kunsidrata li hi qrib ħafna tal-biljunarju u eks prim ministru Taljan tinħatar f’kariga importanti.
Paolo Scaroni ser imexxi l-bord tal-gvernaturi tal-Enel, kumpannija li tinnegozja x-xiri taż-żjut li fiha l-istat Taljan għandu 23.6% tal-ishma. Fl-imgħoddi Scaroni kien is-CEO tagħha.
Scaroni kien issemma’ f’Malta dakinhar li t-Times of Malta xandret aħbar li Joseph Muscat kien laqqgħu ma’ Yorgen Fenech. Scaroni, li hu l-president tal-klabb tal-futbol Taljan AC Milan, kien jaħdem ma’ Rothschilds Bank. Joseph Muscat kien laqqa’ lil Scaroni ma’ Yorgen Fenech li dak iż-żmien kien qed iħajjar investituri biex jinvestu fl-Electrogas.
Dakinhar li Joseph Muscat laqqa’ flimkien lil dawn iż-żewġ ħbieb tiegħu, huwa kien diġà ġie infurmat mill-pulizija li Yorgen Fenech kien ġie identifikat bħala suspettat ewlieni għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Meta xxandret l-aħbar li kien laqqa’ flimkien lill-ħbieb tiegħu Paolo Scaroni u Yorgen Fenech, l-eks prim ministru skreditat ta’ Malta kien sejjaħ din il-laqgħa bħala waħda “normali”.
Joseph Muscat kien ukoll sejjaħ bħala “normali” l-istedina li kien għamel lil Yorgen Fenech biex jattendi festin f’għeluq sninu fil-Girgenti u li għalih kienu preżenti xi ħbieb intimi u dan minkejja l-fatt li kien jaf li Yorgen Fenech kien suspettat mill-pulizija bil-qtil. Aktar tard Muscat spjega li, kieku ma stedinx lil Yorgen Fenech, l-istess Fenech kien jissuspetta ħażin.