Agħtu daqqa t’għajn lejn it-titlu t’hawn fuq. Nistħajjel bħallikieku nkiteb il-kliem li ġej: “It-tipjip tas-sigaretti jtawwallek ħajjtek b’5 snin, igħid il-ministru tas-saħħa”. Fl-imgħoddi diġà kellna inkjesti pubbliċi indipendenti. L-inkjesta tal-Imħallfin dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma daħlitx f’kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ responsabbiltà kriminali għaliex din ir-responsabbiltà hi fil-kompetenza tal-awtoritajiet tal-pulizija, tal-maġistrati u tal-prosekutur.

L-Imħallfin ta’ dik l-inkjesta fil-fatt staqsew mistoqsijiet li ma jistgħux isiru minn min ikun qed imexxi investigazzjoni kriminali. Bħalma huma: id-delitt seta’ ġie evitat? Il-liġijiet huma adegwati biżżejjed biex jiġu evitati ċirkostanzi bħal dawn? Ir-regolaturi qdew dmirhom kif suppost?

L-ispjegazzjoni li ktibt hawn fuq hi diġà magħrufa sewwa. Issa erġgħu agħtu ħarsa mill-ġdid lejn it-titlu. Int taf biżżejjed li s-sigaretti jagħmlu ħsara lil saħħtek, iżda l-ministru tal-ġustizzja tiegħek jidher li huwa lest li jigdeb dwar il-pożizzjoni legali għaliex moħħu mistrieħ li bosta huma dawk jiġu jaqgħu u jqumu.

Għandna Ministru li għażel li jigdeb hu u jippresjiedi fuq sistema tal-ġustizzja monka.

Biss ftit ġranet ilu, lill-ġurnalisti Jonathan Attard qalilhom li jekk ikollhom mistoqsijiet x’jagħmlu dwar id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma jmexxix bil-qorti kontra l-ħallelin tal-Pilatus Bank, dawn il-mistoqsijiet għandhom isiru direttament lilu u mhux lill-Avukat Ġenerali.

Issa għandna Ministru jikkontrolla Avukat Ġenerali bla sinsla u kompromessa u li x’aktarx hi wkoll kompliċi.

Din il-ġimgħa stess, Jonathan Attard xandar proposti u talab li jsiru konsultazzjonijiet biex titjieb is-sistema tal-ġustizzja kriminali. Dawn il-proposti jeħtieġ li jiġu studjati bir-reqqa u li jingħata widen lill-fehmiet li tal-avukati. Għandna żmien biżżejjed biex nagħmlu dan kollu.

Illum bi ħsiebni li nikkummenta dwar is-“soluzzjoni” li tinsab fit-titlu u li nstiltet minn dak li stqarr Jonathan Attard lill-ġurnalisti. Ħarġu bl-idea li tiddaħħal giljottina bil-għan li jingħata żmien stabilit li matulu għandhom jinġabru l-provi. F’kuntest ta’ riformi aktar wiesgħin, tajjeb li jkun hemm żmien pre-stabilit. Iżda jekk moħħom huwa biss li jdaħħlu giljottina mingħajr ma jiżguraw li s-sistema tkun tiflaħ għat-tibdil fis-sistema tal-ġustizzja, ser immorru lura u mhux ‘il quddiem.

Dan bħal meta jkollok student li jbati biex jaħdem is-somom u mingħalik li tkun sibt tarf għal din il-problema billi tgħidlu li ser ikollu jtemm ix-xogħol tiegħu fi żmien siegħa. Waħdu, d-dħul ta’ żmien stabilit biex jinġabru l-provi mhux ser itejjeb is-sistema tal-ġustizzja.

Wieħed għandu jara kif ikun jista’ jgħin lill-istudent jitjieb fil-ħdim tas-somom. Fi kliem ieħor, qabel jiddaħħal żmien stabilit għall-ġbir tal-provi, l-gvern għandu jara li s-sistema tkun tiflaħ għal dan it-tibdil.

Jeħtieġ nifhmu li l-problema li għandna f’ħoġorna bħalissa tikkonsisti fil-fatt li, bil-pulizija, bil-prosekuturi, bil-proċess tal-inkjesti maġisterjali u l-bqija tal-kors ġudizzjarju b’kollox, jidher li s-sistema tal-ġustizzja tagħna m’għandhiex il-ħila li tassigura kundanni għat-twettiq ta’ delitti serji. Jeħtieġ nifhmu wkoll li wara li l-Pilatus Bank ittella’ l-qorti, l-prosekuturi ma kellhomx idea x’kellu jkun il-pass li jmiss. U dan biex inkun semmejt eżempju wieħed biss.

Il-problema tikkonsisti fil-fatt li s-sistema tal-ġustizzja mhux biss timxi b’pass ta’ nemla. Hi wkoll sistema li m’hix taħdem. Daqskemm is-sistema għandha l-ħila li ttella’ l-makku l-qorti, m’għandhiex il-ħila li tħarrek u tassigura kundanni għall-klieb il-baħar korrotti u kriminali li ħammġu isem pajjiżna mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Bil-mod il-mod, il-poplu qed jitlef il-fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja. U ħadd m’hu jsemma’ leħnu – ebda Mħallef, ebda Maġistrat, ebda Prosekutur, ebda Kummissarju tal-Pulizija – ħlief Jonathan Attard u Robert Abela. Il-bqija jinsabu b’fommhom sieket għaliex marbutin b’kodiċi ta’ kondotta li jgħodd biss kemm il-darba s-sistema tkun qed taħdem. Oħrajn – bħal Victoria Buttigieg – jaħarbu għaliex jibżgħu jiffaċċjaw ir-realtà tal-inkompetenza tagħhom stess.

Hemm min igħid li ma tista qatt issib tarf ta’ problema qabel tammetti li l-problema fil-fatt teżisti.

Minflok jammettu l-eżistenza tal-problema, l-ministri tagħna jagħżlu li jigdbu.