Il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-ġustizzja jinsab Malta għal ftit ġranet. Waqt li jkun hawn ser jiltaqa’ ma’ ministri li, minn dak li rriżulta minn xi laqgħat li saru fil-pubbliku, qalulu li Malta “kienet tgħallmet il-lezzjonijiet li kellha titgħallem” dwar il-governanza tajba u li issa kollox ward u żahar.

Dalgħodu ser jiltaqa’ mal-NGOs u jien bi ħsiebni ngħidlu li qed jingħata impressjoni falza. Iżda, paragunat mal-prim ministru, jien min jien?

Tat-Times of Malta semmew l-erba’ raġunijiet li ta l-prim ministru lill-Kummissarju Reynders biex jikkonvinċih li f’Malta qed tirrenja s-saltna tad-dritt.

1. Malta tneħħiet mill-Lista l-Griża u dan wara li ġew emendati xi regolamenti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Il-bidliet seħħew u allura issa ma jonqosna xejn. Xi persuni ttellgħu l-qorti wkoll u dawn ġew mixlija bid-delitt ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin u ġew immultati talli naqsu li jgħarblu sewwa lill-klijenti tagħhom.

X’riżultati ġabu magħhom dawn il-bidliet? Iva, seħħew xi bidliet. Operaturi żgħar li ma setgħux ilaħħqu jew ma ridux ilaħħqu mal-għarbiel irqiq li kien jeħtieġ li jgħaddu minnu u mar-responsabbiltà kbira ta’ ħlas ta’ multi kbar ħafna, kellhom jabbandunaw ix-xogħol fis-servizzi finanzjarji. Dan huwa sinjal tajjeb għaliex ir-riskju tnaqqas.

Iżda jeħtieġ nifhmu li ma kienux dawn l-operaturi ż-żgħar li daħħluna fil-basla. Ma kienx bis-saħħa tagħhom li Malta kienet iddaħħlet fil-Lista l-Griża. Spiċċajna fil-Lista l-Ġriża tort ta’ dawk il-ministri li kienu mdaħħlin fl-iskandli/ħadmiet tal-Panama Papers, tal-Electrogas, tal-Isptarijiet u fil-ħruġ tal-liċenzja lil Pilatus Bank u l-protezzjoni li dan il-bank kien ingħata mill-awtoritajiet. Ebda wieħed mill-operaturi ż-żgħar ma kien jaħti għal dawn l-iskandli/ħadmiet.

F’Malta l-klieb il-baħar għadhom sal-lum igawdu l-impunità. Bosta minnhom qed ikomplu jgawdu mill-ħadmiet li ħadmu, bħal fil-każ tal-Electrogas. Inkjesti maġisterjali li kienu nbdew ħames snin ilu għadhom ma ntemmux u dak li ntemm (tal-Pilatus) ġie njorat jew moħbi mill-istituzzjonijiet tal-istat.

Il-qasam tas-servizzi finanzjarji jeffettwa lill-Ewropa kollha u l-Kummissarju Reynders għamel mistoqsija pertinenti. Huwa staqsa: Malta kif tista’ tispjega l-fatt li ssekwestrat b’inqas kemm jiswew kwart ta’ miljun dollaru f’ġid ta’ sinjuruni Russi? Seta’ wkoll semma’ l-fatt li, minħabba l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti – li, għandu jingħad, għadha fis-saħħ –    madwar 1,000 ħabib ta’ Vladimir Putin li twieldu fir-Russja għandhom passaport Malti.  Possibbli li bejniethom dawn għandhom biss b’kemm jiswew $200,000 f’ġid?

Ħaġa tal-iskantament kif l-awtoritajiet Maltin wrew nuqqas ta’ rieda li jinfurzaw il-liġijiet fuq is-sinjuruni. Lill-awtoritajiet Maltin, il-Kummissarju Reynders messu staqsihom x’qed jinżamm fl-hekk imsejjaħ asset recovery bureau, x’ġid ġie ssekwestrat mingħand kriminali ta’ kull nazzjonalità, u mhux biss mingħand ir-Russi. Kienu jwieġbuh li ġie sekwestrat ftit li xejn.

Għaliex mil-Lista l-Ġriża nħriġna mhux għax issekwestrajna l-ġid tal-kriminali, iżda għaliex għaddejna liġi li tipprovdi għal dawn is-sekwestri.

Għaldaqstant, għalkemm li mal-ewwel daqqa t’għajn jidher li għamilna pass ‘il quddiem, fis-sustanza m’għamilna ebda progress.

2. Il-prim ministru fakkar li nbidel il-metodu tal-għażla tal-kummissarju tal-pulizija, tal-prim imħallef u tal-imħallfin u dan wara li xxandar ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja.

Din hi biss nofs verità.

Qabel jinħatar, il-kummissarju tal-pulizija jkun jeħtieġ li jgħaddi minn proċess. Fl-imgħoddi kien jagħżlu l-prim ministru biss. Issa d-deċiżjoni jkun jeħtieġ li ssir minn persuni nominati mill-prim ministru. Fil-prattika, r-riżultati juru li s-sitwazzjoni baqgħet kif kienet għaliex Anġlu Gafà wera’ li huwa gwapp daqs dawk ta’ qablu f’dik li hi protezzjoni ta’ kriminali li għandhom rabtiet mal-politika.

Huwa minnu li nbidel il-metodu tal-ħatra tal-prim imħallef. Fl-imgħoddi, kien jiddeċidi l-prim ministru waħdu. Issa jkun jeħtieġ li jiftiehem mal-kap tal-oppożizzjoni qabel issir l-għażla. Dan il-metodu xorta waħda jirrendi l-għażla waħda politika u jista’ jeffettwa ħażin lill-indipendenza tal-ġudikatura mill-fergħat l-oħra tal-gvern. Iżda hawn jeħtieġ li nitgħallmu lezzjoni oħra.

Minn dak li rajna dakinhar li tneħħiet il-ħtieġa tal-kunsens bejn il-partiti fejn tidħol il-ħatra tal-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, issa nafu x’aktarx ser iseħħ kemm il-darba bejn il-gvern u l-oppożizzjoni jkun hemm nuqqas ta’ ftehim dwar min għandu jinħatar bħala prim imħallef: il-gvern jaqbad u jibdel il-liġi biex ikun jista’ jagħmel l-għażla waħdu.

Il-metodu tal-għażla tal-imħallfin inbidel u sar progress. Iżda l-gvern m’għandux biex jiftaħar għaliex kien baqa’ jinjora lill-Kummissjoni ta’ Venezja u kien għamel ħatriet partiġġjani fil-ġudikatura sakemm indaħlet Repubblika u sfidatu fil-qorti u saħansitra fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Ċedew biss għax kienu beżgħu li l-Qorti Ewropea kienet ser taqta’ l-kawża kontrihom.

Għaldaqstant għalkemm is-sitwazzjoni rranġat, ċertament ma tjibitx bis-saħħa tal-gvern.

3. Il-gvern qed jipproponi li, f’każijiet ta’ delitti kriminali serji, jdaħħal limitu ta’ sena li matulu jkunu jridu jinġabru l-provi. Dan jirriżulta minn white paper li xxandret ftit tal-jiem ilu li dwarha għad irid ikun hemm konsultazzjoni pubblika. Madankollu jidher li Robert Abela jinsab deċiż li jgħaddi din il-liġi.

Li kieku din kienet idea tajba, jkun ħaqqha kull appoġġ. Repubblika qed tistudja l-proposti tal-gvern u fil-ġranet li ġejjin bi ħsiebna nxandru l-fehmiet tagħna. Iżda nista’ ngħid minn issa li l-proposti ma jiswew xejn għaliex il-problema fundamentali ser tibqa’ f’ħoġorna. L-istat qed isibha diffiċli li jiżgura l-kundanni ta’ persuni mixlija b’delitti serji u l-proposti tal-gvern m’huma ser jagħmlu xejn biex isibu tarf għal din il-problema.

Hemm ukoll problema akbar li l-gvern bilkemm qed jagħti każha. Malta għandha uffiċċju tal-avukat ġenerali li huwa nkompetenti u li qed jgħaffeġ fil-prosekuzzjonijiet li nbdew biex mingħalihom jimpressjonaw lil tal-FATF. Is-suċċess jitkejjel mhux mill-fatt li jinbdew il-prosekuzzjonijiet. Jitkejjel minn kemm l-uffiċċju tal-avukat ġenerali jkollu l-ħila jikkundanna nies lejn il-ħabs.

Għaldaqstant din il-proposta nofs kedda – li għadha ma tressqitx fil-Parlament – m’hix prova li l-governanza tajba mxiet il-quddiem.

4. Il-prim ministru ftaħar b’liġi li tiggarantixxi l-libertà tal-istampa. X’inhi din? Tgħid inqbadt f’raqda u bqajt ma ntbaħtx biha?

Hawn il-prim ministru qed jirreferi għall-abbozz ta’ liġi li xxandar f’Settembru li għadda. Il-kumitat li kien ħatar il-gvern stess irriżultalu li, b’din il-liġi jew mingħajrha, s-sitwazzjoni ma kienitx ser tinbidel u l-gvern kellu jirtira kollox sakemm issir konsultazzjoni. Din il-konsultazzjoni għadha lanqas biss bdiet.

Tal-prim ministru kien biss ftaħir vojt. Il-fatti juru li r-rapport tal-inkjesta tal-imħallfin dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ilu kważi sentejn li xxandar u sal-lum ma twettaq  ebda wieħed mir-rakkomandazzjonijiet li saru. Sadattant it-theddid lill-ġurnalisti u lill-attivisti baqa’ għaddej ġmielu.

Fil-kampanja elettorali tas-sena l-oħra, Robert Abela għoġbu jperriċni fil-billboards tal-partit tiegħu. L-istess ħaġa kienu għamlu ftit qabel Daphne spiċċat assassinata.

Iżda l-kwistjoni m’hix dwar il-billboards. Il-libertà tal-informazzjoni xorta baqgħet tiġi mkażbra. Il-gvern għadu sal-lum jonfoq flejjes pubbliċi f’riklami b’mod inġust. Il-ministri baqgħu jitkellmu kważi dejjem ma’ dawk il-mezzi tax-xandir li jqisuhom bħala alleati tagħhom. Il-prim ministru għadu sal-lum jirrifjuta li jagħti intervisti li dawk li hu ma jikkontrollax. Il-pulizija m’għadhiex tagħti miżuri ta’ protezzjoni lill-ġurnalisti. Kontra l-ġurnalisti għadhom qed isiru libelli vessatorji. Ma ddaħħlu ebda miżuri biex iħarsu lill-ġurnalisti mill-effetti ta’ kawżi SLAPP u l-miżuri li pproponew huma biss ta’ nofs kedda għaliex ma jilħqux il-livell rakkomandat mill-Kummissjoni Ewropea.

Għaldaqstant il-ftaħir tal-prim ministru fis-sens li huwa tejjeb il-kundizzjonijiet tal-ġurnalisti f’Malta m’hu xejn ħlief ftaħir vojt u ta’ bla sugu.

Din hi s-sitwazzjoni li ninsabu fiha. M’hemmx dubju li tal-Kummissjoni Ewropea ser ikunu mħajjra iġibu ruħhom eżatt bl-istess mod kif kienu ġabu ruħhom fix-xhur u s-snin ta’ qabel l-assassinju ta’ Daphne. Jista’ jagħti l-każ li dawn ser jippreferu joqgħodu fuq dak li jgħidilhom il-gvern fis-sens li f’Malta issa kollox jinsab miexi fuq ir-rubini.

Jistgħu iġibu ruħhom b’dan il-mod. Sakemm imbagħad tinqala’ kwistjoni oħra li ġġiegħlhom jintebħu li l-gvern Malti ma tistax joqgħod fuqu.