Fil-Jum Dinji dwar il-Libertà tal-Istampa ma xtaqtx noqgħod nitħaddet fuqi nnifsi. Ser taqra’ dan li ġej għax nixtieq nagħti kuntest lokali għal dak li kkonkludew tal-RSF: jiġifieri li huwa aktar faċli li wieħed jaħdem bħala ġurnalist fil-parti ta’ Ċipru okkupata mit-Torok, fl-Ungerija ta’ Orban, fil-Burkina Faso mifnija bil-gwerer u fil-pajjiż korrott tal-Maċedonja ta’ Fuq, milli f’Malta.
Il-bieraħ jien ktibt artiklu li fih ikkritikajt lill-politika tal-gvern li permezz tagħha kull meta jfettillu jqassam iċ-ċekkijiet lill-ħaddiema kollha u dan mingħajr ma jsejjes azzjonietu fuq xi politika ekonomika jew soċjali ħlief dik li jisqi l-popolarità tal-gvern. Jien ikkritikajt ukoll lil dawk li jappoġġjaw lil din il-politika u ktibt li m’għandniex nistennew li l-gvern ser iġib ‘il quddiem l-interessi tal-fqar u tad-dgħajjfin kemm il-darba l-partitarji tal-hekk imsejjaħ partit soċjalista ma jkunux huma li jeżiġu dan.
Dakinhar filgħaxija li ktibt l-artiklu, rċievejt messaġġ elettroniku minn persuna anonima li kumbinazzjoni (u mingħajr traċċa ta’ ironija) ġġib ir-ritratt ta’ Conan the Barbarian. Dan l-imbierek – li naqta’ rasi li huwa raġel – attakkani dwar id-dehra ta’ persunti u kiteb li jmissni ilni li qtilt lil nnifsi.
Dik ir-risposta ta’ hawn fuq li permezz tagħha rringrazzjajtu talli kkomunika miegħi ma saritx sforz xi sarkażmu għax hi biss tweġiba awtomatika lil kull min jikkummenta – kemm biex jikkritika kif ukoll biex jaqbel ma’ dak li nkun ktibt.
Min jaf għaliex ħa għalih daqshekk is-Sur Conan the Barbarian, tant li jixtieq li jarani mejjet?
Dalgħodu fil-Facebook tajt daqqa’ t’għajn lejn dan li ġej:
Għaliex ktibt l-artiklu bis-sottilezzi kollha, l-madwar elf kelma li ktibt u għaliex għamilt riferenzi għat-teoriji politiċi u ekonomiċi u għall-applikazzjoni tagħhom fil-kuntest lokali, skont il-propagandist tal-Labour: “Manuel Delia għajjarkom idjoti“.
Madwar darba fil-ġimgħa Emanuel Cuschieri jitkellem b’dan il-mod hu u jitħaddet dwar il-kitbiet tiegħi. Għandu ħabta li joħroġ kollox barra mill-kuntest tiegħu, jinterpreta kollox b’mod assurd u fl-istess waqt ixewwex kontra tiegħi lis-segwaċi tiegħu li jibilgħu dak kollu li jgħidilhom li jien suppost inkun għidt.
Il-libertà tal-istampa m’hix dwar jekk għandix dritt li nikkritika lill-gvern jew le. Iżda hi dwar jekk għandix naħsibha sewwa qabel nikkritika lill-gvern ma jmurx ikun hemm xi Conan the Barbarian li jiddeċiedi li jeliminali ħajti.
M’hux qed nippretendi li Emanuel Cuschieri għandu jfaħħar dak li nikteb dwar il-partit li tant jagħtih importanza. Iżda hawn m’aħniex nitħaddtu dwar Emanuel Cuschieri, hux hekk? Dan ixandar minn fuq One Radio li hu l-istazzjon uffiċjali tal-partit fil-gvern u jippersonifika lill-gvern li jien nikkritika. Dan ma jweġibx għall-kritika iżda jirritalja u jxewwex lis-segwaċi tiegħu f’isem il-gvern biex jikkastiga u jsikket lill-kritiċi tiegħu. Dan huwa l-mod li bih qed iġib ruħu Robert Abela, li ftit tal-jiem ilu biss lill-Kummissarju Ewropew dwar il-Ġustizzja ipprova jserraħlu rasu li r-riformi ineżistenti fil-qasam tal-liberta’ tal-istampa ġabu bidla kbira.
Bidla kbira daqs Emanuel Cuschieri.
Hawn taħt tistgħu taqraw il-frott tat-tixwix ta’ Emanuel Cuschieri u nħeġġiġkom taħsbuha sewwa jekk huwiex minnu li min jaħdem ta’ ġurnalist f’Congo-Brazzaville igawdix aktar siġurtà minn dawk li jikkritikaw lill-gvern ta’ Malta, l-pajjiż li nippretendu li hu l-ġenna tal-l-art għal kull min irid igħix ħieles.