Il-mistoqsijiet li għamillu l-Awditur Ġenerali dwar il-ħadma tal-isptarijiet, Konrad Mizzi għażel li jinjorahom filwaqt li Joseph Muscat u Keith Schembri bgħatu tweġibiet li ma kienu tweġibiet xejn. Darren Debono irrifjuta li jixhed kontra l-klikka ta’ kriminali li kienu qabbduh u dan anki wara li ngħata maħfra talli kien spara lejn uffiċjali tal-pulizija li kienu qed jippruvaw iwaqqfuh milli jwettaq serqa minn bank. Yorgen Fenech twassal fil-bini tal-Parlament permezz ta’ skorta fost sigurtà stretta iżda meta ġejna għas-si u n-no, leħnu baqa’ ma nstemgħax.

X’qegħdin naraw hawn jekk mhux kriminali mustaċċuni b’fommhom sieket ħlief biex jiddikjaraw li huma innoċenti u istituzzjonijiet tal-pajjiż li m’għandhomx ir-rieda jew m’għandhomx il-ħila li jwettqu ġustizzja billi jaraw li dawn jieħdu dak li ħaqqhom?

Naf li ilni nirrepeti l-istess ħaġa. Iżda kif nistgħu qatt nippretendu li l-pajjiż jiġġieled kontra l-kriminalità organizzata b’liġijiet diżorganizzati? Kif nistgħu qatt nippretendu li neqirdu lill-mafja meta l-istat li suppost qiegħed hemm biex jiġġildilha lanqas biss jirrikonoxxi l-eżistenza tagħha?

L-episodju ma’ Yorgen Fenech fih tagħlima għaliex kien prevedibbli daqs kemm kien bla skop. Hawn xi ħadd li hu f’sensih li jaħseb li dan kien ser jikxef informazzjoni li setgħet tinkriminah mingħajr ma jkun ingħata xi forma ta’ garanzija ta’ immunità mill-prosekuzzjoni?

Fenech qed jistenna li jgħaddi ġuri mixli b’delitt mill-aktar serju, jiġifieri omiċidju. Għalkemm il-prosekuzzjoni m’għandhiex għalfejn tipprova li kien hemm motiv wara l-qtil, l-investigaturi li ħadmu fuq il-każ stqarrew fil-beraħ li, skont huma, Yorgen Fenech qatel lil Daphne Caruana Galizia għaliex kienet appik ser tikxef il-korruzzjoni fil-kuntratt tal-Electrogas. Fil-ġuri li ser igħaddi mixli bil-qtil, Yorgen Fenech għandu dritt li jżomm fommu sieket. Taħsbu li lsienu kien b’xi mod ser jinħall waqt inkjesta parlamentari?

Min jaf għalfejn ressquh biex jixhed? Din il-mistoqsija m’għamiltihiex qabel għaliex, bejni u bejn ruħi, għidt li forsi seta’ kien hemm xi ċans ta’ diskussjonjiiet minn wara l-kwinti bejn l-avukati u l-impjegati tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi u l-avukati ta’ Yorgen Fenech. Iżda ma kien hemm xejn minn dan kollu. Il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi la għandu avukati u lanqas impjegati bħalma għandu Yorgen Fenech.

Ma neskludix li forsi jista’ jsir xi forma arranġament mal-imgħallem. Iżda għaliex għandi naħseb b’dan il-mod meta jien dejjem sostnejt b’mod konsistenti li, jekk jinstab ħati, Yorgen Fenech għandu jieħu l-kastig kollu li ħaqqu?

U anki li kieku kellna noħorġu bl-idea li Yorgen Fenech jista’ jkun xhud utli, l-istat x’jista’ jagħmel bl-informazzjoni li tkun ingħatatlu? Il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi ċertament ma jista’ jagħmel xejn. Lil Yorgen Fenech ħadd ma jista’ jwiegħdu xejn u lill-pubbliku ħadd ma jista’ jwiegħdu li ser tittieħed azzjoni kontra xi ħadd li jkun inkixef minnu.

Kulma għandna hi l-qoxra ta’ barra għad-deher. Mingħajr sustanza ta’ xejn.

Saħansitra lanqas il-qrati m’huma f’pożizzjoni li jagħmlu l-wegħdiet. Jekk l-Avukat Ġenerali tagħmel xi taħwida (bħalma ġara’ fil-każ ta’ Darren Debono) jew inkella tidfen il-provi li jkollha f’idejha (bħalma ġara’ fil-każ tal-Pilatus), tkun inħliet kull prova li tista’ tfeġġ minn  negozjati li jistgħu jsiru ma’ min ikun lest li jikxef. U l-imħallfin ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn meta jiġu wiċċ imb’wiċċ mal-frejjeġ li jkunu nħmew mill-prosekuzzjoni.

Iżda l-aqwa li nxtraw l-SUVs ilellxu biex jitwasslu l-priġunieri. Għandna biżżejjed maskri, armi u sireni biex ninvadu pajjiż żgħir ieħor. Insomma, ninqalgħu ħafna għall-kummiedji quddiem il-bini tal-qorti biex nagħtu l-impressjoni li ilna nissieltu ma’ tal-ETA jew mal-IRA għal għexieren ta’ snin.

Kummiedji u spettakli waħedna! Ma saru ebda kundanni. Kulma għandna huma xhieda b’fommhom sieket mehdijin igħaddu ż-żmien bina f’wiċċna. Għandna prim ministru li, hu u jitkellem dwar il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, nistħajjlu bħallikieku kien ostaġġ f’filmat b’gazzetta f’idu jipprova jserrħilna rasna li dawk li ħatfuh qed iġibu ruħhom tajjeb miegħu. Għandna prosekutur ewlieni li tgawdi l-fiduċja – u mhux l-isfiduċja – tal-kriminali. U għandna korp tal-pulizija li mingħalih li jgawdi l-fiduċja tal-poplu għax issa jinsab armat bi ħwejjeġ spandex miċ-Ċina.

Ma nixba’ nirrepeti li l-pajjiż jeħtieġ bidla bl-għeruq u x-xniexel.