Fil-Malta Independent tal-lum, Noel Grima għamel użu mill-kelma ‘de-muscatification’ fit-titlu tal-artiklu tiegħu. Skont l-awtur, dan il-pajjiż jeħtieġ li jwarrab għal kollox il-politika li kien mexa’ biha Joseph Muscat u dan biex Malta tibda’ t-triq tal-fejqan u għamel kritika lil Robert Abela talli żamm politika ta’ kontinwità.

Fl-istess ġurnal hemm ukoll artiklu miktub minn Kevin Aquilina. Dan jipparaguna lil  Joseph Muscat u lill-Partit Laburista ma’ Ħnieżer Orwelljani li ħadmu biex iġibu bidla u li bidlu lill-pajjiż (jew ir-razzett) f’tirannija korrotta bil-għan li jaqdu l-interessi tagħhom.

Dawn iż-żewġ artikli jibdew bil-premessa li fl-2013 Malta kien jeħtieġ li teħles minn Nazzjonalisti u li, wara li l-Partit Laburista ħa r-riedni tal-pajjiż f’idejh, għamel tiegħu l-vizzji ħżiena ta’ dawk li kien daħal flokhom.

Ċertament għad irid isir dibattitu dwar l-istorja. Iżda jkolli ngħid li sal-lum dan il-pajjiż qatt ma kellu għalfejn iħabbel rasu biex jara kif ser iġib ruħu fil-konfront ta’ eks prim ministru li, erba’ snin wara li twarrab, għadu fid-dell ta’ skandli li qed ifeġġu ġimgħa wara ġimgħa.

Ħadd m’hu jistenna’ li Lawrence Gonzi għad jiġi dikjarat qaddis. Iżda jeħtieġ li wieħed jagħmel aċċenn fuq eks prim ministru li f’xahar ma jibgħatx kont ekwivalenti għal dak li jaqla’ l-klijent tiegħu f’sena minn negozju tal-bejgħ ta’ għasafar eżotiċi. Dan huwa tabilħaqq l-iskandlu tal-ġimgħa. It-Times of Malta tkellmet dwar il-mod kif Joseph Muscat idaħħal f’butu ħlasijiet fuq konsulenzi mingħand kumpannija żgħira li tbiegħ l-għasafar li s-sid tagħha kumbinazzjoni huwa wkoll sid ta’ casinò li jopera minn fuq art pubblika li ngħatatlu mill-gvern ta’ Joseph Muscat għal prezz irriżorju.

Naqta’ rasi taħt mannara li operaturi oħrajn qed jisgħobbihom li ma ġiethomx f’rashom li jħallsu konsulenzi lil Joseph Muscat. Li kieku ġiethom f’rashom, forsi llum qed joperaw casinò kważi mingħajr ħlas ta’ kera u m’humiex jikkompetu mal-klijent favorit ta’ Muscat. Mhux il-WhatsApp chats kollha ta’ dawn l-operaturi huma aċċessibbli għall-pubbliku. Yorgen Fenech lil Rosianne Cutajar kien tarrfilha li ried ixejjer daqqa ta’ ponn lil Chris Cardona. Yorgen Fenech x’aktarx stenna li jingħata sussidju mill-gvern b’kumpens talli dan qed jopera casinò fuq il-proprjetà tiegħu stess. Għaliex, skont is-soċjaliżmu pervers ta’ Joseph Muscat, aktar ma jkollok il-gvern aktar jagħtik, dment li xi ftit minnu jsib ruħu fil-karus tal-irtirar ta’ Joseph Muscat, jew, jekk trid, xogħol ta’ konsulenza.

L-istoriċi għad iridu jitkellmu dwar l-aħħar snin tal-PN fil-gvern qabel l-2013 u għad jikkunsidrawhom bħala snin problematiċi. Iżda naħseb li l-kummentaturi tal-istorja dawn is-snin m’għandhomx idumu wisq jiddiskutuhom daqs kemm ikunu jridu aktar żmien biex pubblikament jesprimu s-sens ta’ tqalliegħ li qed iħossu bil-Partit Laburista fil-gvern.

Fil-fehma tiegħi, l-kummentaturi tal-istorja jkun jeħtiġilhom jistaqsu lilhom infushom dwar kif seta’ kien possibbli li kretin bħal Joseph Muscat ġiegħel pajjiż sħiħ iqimu billi jixgħallu x-xemgħat u jagħtih il-kredibilità kollha li ried. Int kont taħseb li Joseph Muscat makakk? Araw ftit kif inqabad wara li m’għattiex sewwa t-tixħim li xxaħħam.

Tafu kif Joseph Muscat għatta t-tixħim li xxaħħam mingħand Steward Health Care? Huwa ġiegħelhom jiddepożitaw flejjes f’kont ta’ kumpannija li s-sidien tagħha huma l-VGH li mbagħad daħlet Steward f’lokha f’Malta. U l-kumpannija mmexxija mill-VGH imbagħad għaddietlu ħlasijiet għal “konsulenzi”. U kif taħsbu li għatta t-tixħim tad-Dragonara Casino Operations? Ġiegħelhom iħallsuh flejjes għal “konsulenzi” permezz ta’ kumpannija merfugħa li kienet tmexxi negozju fl-għasafar eżotiċi.

Prosit ħej x’għerf dak! Il-proċess ta’ ħasil ta’ flus ma tridx wisq biex tintebaħ bih. B’dan l-għerf kollu, mhux ta’ b’xejn li l-klijenti li jirċievu l-“konsulenzi” tiegħu huma biss dawk li stagħnew kemm dam prim ministru hu.

Joseph Muscat m’huwiex makakk daqs kemm jaħseb li hu. Jew, biex inkun aktar preċiż, il-poplu m’huwiex baħnan daqs kemm jaħseb li hu. M’għandniex xi ngħidu, l-fatt li kont inħareġ lil kumpannija li tinnegozja fl-għasafar eżotiċi minflok lil sid ta’ casinò li jopera minn fuq art pubblika mhux ser iservi biex jattira l-attenzjoni ta’ Anġlu Gafà u ta’ Victoria Buttigieg. Għax Joseph Muscat jaf sewwa li l-liġijiet tal-pajjiż ma jgħoddux għalih.

Wara kollox, Anġlu Gafà wera’ li m’għandux l-ħila li jaqra rakkomandazzjoni ffirmata ta’ maġistrat ta’ inkjesta biex jarresta u jħarrek lis-sidien tal-Pilatus Bank, liema bank kien il-qaddej fidil ta’ Joseph Muscat. U, minn naħa tagħha, Victoria Buttigieg wriet li m’għandhiex il-ħila li tħarrek lil dawk il-ministri ta’ Joseph Muscat li parzjalment kienu l-imħuħ wara l-attentat ta’ serqa minn bank u dan minkejja l-fatt li fid-direzzjoni ta’ uffiċjali tal-pulizija ġew sparati 75 balla.

Għaldaqstant – iva – Joseph Muscat hu tal-fehma li l-infurzar tal-liġijiet fil-pajjiż huwa ineżistenti. U s’hawn, jidher li għandu raġun.

Iżda Muscat ma jistax iniżżilha li l-poplu m’huwiex baħnan daqs kemm mingħalih li hu. Kull darba li tat-Times of Malta jitlobuh jikkummenta qabel ixandru d-dettalji tal-iskandlu li jkun imiss, tarah jitmasħan. Illum staqsa: “stennejtuni li għandi nirtira ta’ 48 sena?” Kien proprju b’dan il-mod li l-ħnieżer Orwelljani ta’ Kevin Aquilina ġġustifikaw l-irqad tagħhom f’sodod minkejja li dan kien imur kontra l-liġijiet oriġinali tar-rivoluzzjoni tagħhom. Joseph Muscat jista’ jorqod f’sodda mingħajr friex. Wara kollox għadu m’għalaqx il-50 sena.

Joseph Muscat jinsisti li qed jitħallas għal xogħol li huwa wettaq. Dan l-għaref kemm il-siegħa għandu f’ġurnata? Hemm lista twila ta’ persuni li gawdew taħtu li qed iħallsuh mijiet tal-eluf u jrid ibellagħha li dawn il-ħlasijiet saru għal xogħol li wettaq kemm ilu li spiċċa minn prim ministru. X’kwalità ta’ xogħol qed jagħmel dan hu u jippretendi li n-nies għandha temmen li għandu xi bakketta maġika?

Noel Grima jgħid li l-politika tal-gvern għandha twarrab id-dellijiet ta’ Muscat. Jeħtieġ li l-kultura nazzjonali titneżża’ mill-ombra tiegħu u li għandna nirrikonoxxu li tul l-aħħar 10 snin Malta għexet gidba li swiet il-belli liri biex il-kap tal-gvern seta’ jpinġi lilu nnifsu bħala bniedem żagħżugħ u dinamiku. Taħsbu li dan kien sewwa?

Jeħtieġ li nibdew nitkellmu ċar u mingħajr ambigwità: ma nistgħux inwaħħlu fiż-żewġ naħat bl-istess kejl. Joseph Muscat jinsab fuq naħa u n-naħa l-oħra qatt ma kellha lil xi ħadd bħalu. Min jipprova jqabbel il-programm li fassal Joseph Muscat biex jistagħna personalment man-nuqqasijiet tal-gvern ta’ qablu ikun qed jinnormalizza l-imġieba tiegħu u jaqdi l-interessi tiegħu kontra dawk tal-pajjiż.

Joseph Muscat m’huwiex l-ewwel politiku li xxaħħam jew li ħaddem politika bil-għan li jistagħnew hu u l-ħbieb tiegħu. Iżda qatt fl-istorja ta’ dan il-pajjiż ma’ kellna politiku li l-għan ewlieni tiegħu kien li juża r-riżorsi tal-pajjiż biex iħaxxen butu. M’huwiex xi għaref kbir fil-kriminalità tiegħu. Madankollu wera’ li għandu l-ħila li jkun il-moħħ wara t-twettiq tal-kriminalità.

Lill-pajjiż seraqlu flusu u kissirlu r-reputazzjoni tiegħu f”għajnejn id-dinja. Agħar minn hekk, lill-pajjiż remielu l-baħar ir-rispett li kien igawdi madwar id-dinja. Il-pajjiż bil-mod il-mod qed jisgħobbih li fdah bis-setgħa. Jeħtieġ li nagħmlu ammissjoni kollettiva – jew għallinqas fil-biċċa l-kbira tagħna – li żbaljana dakinhar li fdajnieh. Jeħtieġ li nuru s-sogħba li juru dawk li jkunu appoġġjaw tirann li jkun għarraq lill-pajjiż fil-qiegħ.

Għad irridu naslu biex nammettu li konna aħna li ħloqna lil Joseph Muscat u li ser inkomplu noħolquh kull arba li niġġustifikawh aħna u ngħidu li kellna bżonnu biex jidħol flok dawk li kienu jmexxu lill-pajjiż qablu. Niġġustifikawh billi ninjoraw lil dak jew lil dawk li kienu wissewna dwaru qabel ingħata r-riedni tas-setgħa.

Il-bieraħ kienu jgħoddu l-eluf dawk li daħlu fil-Belt Valletta bil-għajta ‘Xebbajtuna’ fuq fommhom. Bir-raġun kollu dawn huma rrabjati dwar l-istupru ambjentali li għaddej fil-pajjiż u għandhom raġun ukoll li jirrabjaw ukoll dwar dak li kien seħħ qabel l-2013. L-ambjent f’Malta ilu sejjer lura mis-snin 60. Wieħed ma jistax jinjora l-fatt li n-Nazzjonalisti kienu ġew ikkastigati politikament għan-nuqqas ta’ rażan (xi kultant inkoerenti) fuq il-bini u fuq l-iżvilupp. U wieħed ma jista qatt jinsa’ li hekk kif tela’ fil-gvern Joseph Muscat, huwa “lliberalizza” lill-industrija tal-kostruzzjoni billi qered kull forma ta’ kontroll fuq l-iżvilupp.

Trid tkun għami biex ma tintebaħx li dawk li qed jimlew il-karus tal-irtirar ta’ Joseph Muscat huma l-istess sinjuruni li qed jistupraw l-ambjent tal-pajjiż. Għandna raġun li jisgħobbina għas-sintomi ta’ din ir-regħba, jiġifieri t-tlugħ ta’ bini kif ġie ġie, t-twessiegħ tat-toroq u l-iffinanzjar nieqes mit-trasparenza. Iżda jekk nibqgħu niġġustifikaw id-diżastru li kellnu tul dawn l-aħħar 10 snin minħabba n-nuqqas ta’ grazzja li seta’ kellna ma’ dak li kien hemm qabel u jekk nibqgħu ninjoraw l-iskużi li qed joħroġ bihom Joseph Muscat għall-imġieba kriminali tiegħu, ser ikun diffiċli li noħorġu mill-ħofra li l-pajjiż jinsab fiha.

Joseph Muscat jeħtieġ li jpatti għall-imġieba kriminali tiegħu. U l-Partit Laburista, li serva ta’ għodda f’idejh, jeħtieġ li jitwarrab mis-setgħa.

L-ewwel dmir għandu jkun dak ta’ Gafà u ta’ Buttigieg u ibqgħu ċerti li dawn ser jibqgħu b’idejhom fuq żaqqhom.

It-tieni dmir huwa tagħna.