Fis-sena 2019, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kienet għaddiet riżoluzzjoni li permezz tagħha Malta ġiet mitluba sabiex tinvestiga bis-serjetà l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, sabiex tieħu passi biex tikkontrolla l-korruzzjoni, sabiex tieħu passi biex issaħħaħ lill-istituzzjonijiet dgħajjfa u tindirizza l-governanza ħażina kif ukoll sabiex ixxejjen l-attakki fuq libertajiet bażiċi tal-ġurnalisti.
Kienu biss ftit waħdiet dawk il-membri tal-Assemblea li vvutaw kontra r-riżoluzzjoni. Iżda d-deputati Laburisti Maltin, fosthom Rosianne Cutajar li kienet għadha kemm indirizzat lill-Assemblea għall-ewwel u għall-aħħar darba, għal ftit ma kienux tħallew waħedhom fil-vot li ngħata kontra. Sabu wens u appoġġ biss mingħand id-deputati tal-Ażerbajġan.
L-Ażerbajġan kellu relazzjoni speċjali mal-gvern ta’ Joseph Muscat – il-gvern li kien fil-mira ta’ din ir-riżoluzzjoni. Fl-isfond tan-negozju bankarju tal-Pilatus Bank, tal-iskandlu tal-Electrogas u tal-ħadma tal-imtieħen tar-riħ tal-Montenegro kien hemm l-Ażerbajġan. Dan il-pajjiż kien ukoll fl-isfond tal-allegazzjoni (li s’issa għadha m’hix pruvata) li Joseph Muscat kien ixxaħħam bis-saħħa ta’ kont bankarju f’isem martu.
Ftakart f’dan kollu grazzi għall-fatt li l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dan l-aħħar għaddiet riżoluzzjoni oħra. Ta’ min isemmi li l-Assemblea Parlamentari hi biss waħda mill-fergħat tal-Kunsill u hi magħmula minn delegati mibgħutin mill-Parlamenti tal-Istati Membri. Dawn id-delegati jingħataw il-kredenzjali mill-Parlamenti li jibgħatuhom u normalment dawn il-kredenzjali jiġu aċċettati mill-Assemblea.
Din id-darba l-Assemblea Parlamentari naqset li taċċetta l-kredenzjali tad-delegazzjoni tal-Ażerbajġan u r-raġuni ma kienitx dik li ma kienux waħħlu biżżejjed bolol fuq l-applikazzjoni.
Dawn il-kredenzjali tad-delegazzjoni mill-Ażerbajġan baqgħu ma ġewx aċċettati għaliex “jeżistu dubju serji dwar it-tnedija ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-pajjiż, dwar is-separazzjoni tas-setgħat, dwar id-dgħjufija tal-Parlament fil-konfront tal-gvern, dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, u dan kif jirriżulta minn diversi sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u minn opinjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.”
Ironija tal-istorja ta’ min isemmiha. Kien hemm biss deputat Malti wieħed fl-Assemblea li vvota favur ir-riżoluzzjoni u dan kien id-deputat Laburista Randolph Debattista. Dan ivvota favur ir-riżoluzzjoni li jfisser li qabel li l-kredenzjali tad-delegazzjoni tal-Ażerbajġan ma kellhomx jiġu aċċettati.
Mhux qed nikkritika l-mod dwar kif ivvota. Kont nikkritikaħ li kieku vvota kontra. Ir-reġim li jinsab fil-ħakma fl-Ażerbajġan huwa wieħed brutali, oppressiv u korrott u kull okkażjoni li bis-saħħa tagħha dan ir-reġim ikun jista’ jiġi iżolat, għandha tinħataf b’mod speċjali minn dawk il-Parlamentari li jafu jkunu aktar onesti mill-gvernijiet li jirrappreżentaw.
Tgħid Randolph Debattista jaf li d-delegati tal-Ażerbajġan għandhom il-ħila li jiftakru sewwa li dakinhar li Joseph Muscat kien sab ruħu iżolat fi Strasburgu, kienu huma biss qabżu għalih?
Min jaf jekk Randolph Debattista tkellimx minn qabel ma’ Joseph Muscat qabel tefa’ l-vot tiegħu favur ir-riżoluzzjoni?
Naqta’ rasi taħt mannara li Debattista lil Muscat kien baqa’ ma kellmux.