Qed nissoponi li kien hemm xi ħsieb tattiku wara n-nomina ta’ Franco Debono mill-Kap tal-Oppożizzjoni għat-tmexxija tal-Awtorità tax-Xandir. X’nistgħu nsejħulu? Rikonċiljazzjoni? Persważjoni? Dilka bix-xemgħa?
Jafu jkunu dawn kollha. X’aktarx hemm ċerti votanti li jixtiequ jaraw lill-PN jidher li rranġa r-relazzjoni tiegħu ma’ Franco Debono.
Naħseb li l-uniku mod korrett li wieħed jista’ jiġġudika dan il-ġest huwa billi wieħed jemmen li Bernard Grech innomina persuna idonea. Iżda hi nomina li mhi idonea xejn.
Iċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir suppost għandu jmexxi din l-entità ‘l hinn mill-interessi li jkunu qed jikkompetu quddiemu. Ikun mistenni minnu li jkattar il-qbil meta t-tilwim ikun l-eħfef triq. Ikun mistenni minnu li jgħolli l-livelli ta’ mġiba u jippromwovi l-ġid komuni fuq l-interessi partiġġjani jew individwali. Fin-nuqqas, ma jkunx l-ewwel Chairman tal-Awtorità tax-Xandir li jkun naqas f’din il-missjoni. Biċċa mit-tort li d-demokrazija tagħna qed tilħaq il-qiegħ tinsab fil-fatt li l-Awtorità tax-Xandir għandha tmexxija dgħajfa. Imma ftit huma l-persuni pubbliċi Maltin li huma anqas idonei għal din il-kariga minn Franco Debono.
Il-fatt li hu kien irribella kontra l-gvern ta’ Gonzi m’għandu x’jaqsam xejn. Kif ta’ sikwit iħobb ifakkarna, ftit mill-argumenti li kien ġab dak iż-żmien kienu validi u xi oħrajn saħansitra kienu profetiċi.
Li rrid ngħid hu Franco Debono m’għandu ebda sens ta’ servizz pubbliku. La għandu impenn lejn ħaddieħor ħlief lejh innifsu u lanqas m’għandu lealtà lejn il-komunità li jservi. Franco Debono inxebbhu ma’ dik it-toqba sewda f’nofs l-unvers li tibla’ kollox. L-interessi u l-fehmiet tiegħu, l-istqarrijiet li jagħmel u d-deċiżjonijiet li jieħu huma msejsin esklussivament biex iservu l-ego li għandu.
Imġiba bħal din hi familjari għal kull min jaqra l-stqarrijiet li jagħmel biex jipprova jġiegħel lil ħaddieħor jara kollox mil-lenti ristretta tiegħu.
Li ssorprendieni huwa n-nuqqas ta’ għaqal fil-ġudizzju ta’ Bernard Grech. Li kieku l-unika kwalifika għal ħatra bħal din kienet biss l-idoneità, din in-nomina tirrifletti ħażin fuq il-ġudizzju ta’ Bernard Grech aktar milli tirrifletti ħażin fuq dak ta’ Franco Debono.
Mhux biss. L-imħuħ ikomplu jitħawdu meta wieħed jintebaħ li ż-żewġ persuni l-oħra li ġew nominati minn Bernard Grech għandhom il-kwalifiki kollha għal ħatra bħal din. Ma tista’ qatt tqiegħed lil Franco Debono fl-istess keffa taż-żewġ persuni l-oħra. Dawn ċertament ma jistħoqqilhomx li jitqiegħdu fl-istess livell miegħu u bħallikieku ġew nominati biex jagħtu xi vantaġġ tattiku lil Bernard Grech jew lill-PN.
Żewġ nomini tajbin u waħda ħażina ma jiffurmawx lista pjuttost tajba, meta isem Franco Debono jkun ukoll fil-lista. Bħallikieku biex wieħed jilħaq Papa, innomina lil żewġ kardinali tajbin u lili.
Biex inkun għidt kollox, ħadd ma ħaqqu jkun fuq lista li fuqha jkun hemm isem Franco Debono. Ikun partit li jkun tilef il-memorja, biex ma nsemmix in-nuqqas kważi totali ta’ ġudizzju għaqli, dak li jkun mingħalih li b’Franco Debono bit-tmun f’idejh jista’ jtejjeb l-affarijiet. Aħseb u ara kemm jista’ jtejjeb ir-regoli tax-xandir f’Malta li huma diġà mnawrin minn ġewwa.