Il-gvern għadu kemm ħareġ liġi li ser tippermetti lill-bejjiegħa ta’ proprjetà li jużaw id-dħul ta’ flus li jagħmlu minn dan il-bejgħ biex iħallsu taxxi li jkunu għadhom dovuti. U bi premju ser jiġu eżentati milli jħallsu l-bolol fuq il-bejgħ tal-proprjetà.
Din il-liġi ġdida, li xxandret erbat ijiem ilu b’ordni tal-ministru tal-finanzi bżala avviż legali, tippermetti lil min ikollu arretrati tat-taxxa, tal-VAT jew tas-sigurtà nazzjonali, li jħallashom bi flus li jkun daħħal minn bejgħ ta’ proprjetà. U l-gvern imbagħad igħaddi biex jaħfer kull multa li tkun twaħħlet u jwaqqaf l-azzjonijiet legali kontra min ikollu l-arretrati x’iħallas u jippremjah billi jeżentah milli jħallas il-bolol fuq il-bejgħ tal-proprjetà.
Din il-liġi ddaħħlet inkiss inkiss u ftit ġimgħat ilu ma ssemmietx fid-diskors tal-baġit.
Il-liġi ġdida ġiet preżentata bħala inċentiv biex dwak l-iżviluppaturi li għandhom ħafna proprjetajiet li ġew żviluppati biex imbagħad jinbiegħu bi profitt. Dan ifisser li żviluppatur li huwa sid ta’ diversi proprjetajiet li jinsabu għall-bejgħ, iżda li għandu l-miljuni x’iħallas f’arretrati ta’ taxxa u ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà nazzjonali tal-ħaddiema tiegħu ser iknu jista’ jiffranka l-ħlas tal-bolol fuq il-bejgħ tal-proprjetà. B’daqqa ta’ pinna, din il-liġi żiedet il-valur tal-ġid tagħhom b’5% u tathom vantaġġ fuq negozjanti oħrajn li wkoll għandhom l-arretrati tat-taxxa x’iħallsu.
Jekk nieħdu eżempju, tellar jew persuna oħra li taħdem għal rasha jkun jeħtieġ li jbiegħu darhom biex jibbenefikaw mill-iskema.
Din il-liġi l-ġdida, li għad trid tiġi spjegata mill-gvern, jidher li ser iddgħajjef l-isforzi favur it-twettiq tad-dixxiplina u tal-moralità fiskali. L-iżviluppaturi li jkunu nvestew mill-ġdid flejjes dovuti f’taxxa u f’kontribuzzjonijiet tas-sigurtà nazzjonali issa ser jiġu premjati permezz ta’ inċentivi rigressivi li permezz tagħhom ser igawdi settur tal-ekonomija a skapitu ta’ setturi oħrajn u wkoll a skapitu tal-ambjent tal-pajjiż.
Din l-iskema hi wkoll diskriminatorja u tfasslet apposta biex taġevola lill-ħtieġijiet tal-iżviluppaturi a skapitu tal-operaturi ekonomiċi l-oħra tal-pajjiż.
Il-fatt li fl-iskema ddaħħlu wkoll arretrati dovuti fuq kontribuzzjonijiet tas-sigurtà nazzjonali tal-impjegati hi ta’ nkwiet serju għaliex min jonqos li jħallas dawn il-kontribuzzjonijiet ikun qed jesponi lill-ħaddiema għall-periklu li ma jkunux protetti mis-sigurtà soċjali.
Bis-saħħa tal-iskema l-ġdida, l-iżviluppaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni sa tmiem l-2022, li hi sena li fiha ser issir l-elezzjoni ġenerali. M’hemmx dubju li l-gvern qed jistenna li din l-iskema ser tgħin biex fis-sena tal-elezzjoni jiżdied il-bejgħ ta’ proprjetà u biex l-iżviluppaturi isibu x-xoqqa f’moxtha biex jaqtgħu l-arretrati mingħajr ma jħallsu taxxi żejda.
Il-gvern qed jittama li joħloq dehra artifiċjali ta’ dinamiżmu ekonomiku bil-għam li jipprova jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu mal-elettorat.