Protesta għal nhar it-Tnejn 29 November 2021 fis-6 pm: Anġlu Farrugia u Rosianne Cutajar m’għandhomx jibqgħu membri tal-Parlament tagħna
Repubblika, Occupy Justice u manueldelia.com jappoġġjaw it-talba li għamel Matthew Caruana Galizia għar-riżenja tal-iSpeaker Anġlu Farrugia u jiddikjaraw li jaqblu mal-istqarrijiet tal-eks prim ministru u eks Speaker Lawrence Gonzi li “ma jistax ikun li nibqgħu sejrin b’dan il-mod”.
Għaldaqstant qed tissejjaħ protesta għal nhar it-Tnejn fis-6 pm barra l-bini tal-Parlament.
Huwa tassew tal-mistħija li istituzzjoni li suppost tirrappreżenta liċ-ċittadini onesti issa nħakmet u minflok qed tiddefendi lil politiċi korrotti.
Huwa tassew tal-mistħija li għandna Speaker li baqa’ jiddefendi deputata li nstabet ħatja mill-Kummissarju tal-iStandards u mill-Kumitat Parlamentari dwar l-iStandards u fl-istess waqt qabbad avukat biex jipprova jintimida u jsikket ċittadin.
Is-sitwazzjoni tkompli tiggrava minħabba l-fatt li ċ0ċittadin in kwistjoni huwa iben ġurnalista li ġiet assassinata stil mafjuż. Assassinju li bord ta’ inkjesta magħmul minn tliet Imħallfin ikkonkluda li għalih kien jaħti l-Istat.
U biex l-affarijiet ikomplu jiggravaw, l-iSpeaker qed jiddefendi deputata li nkoxfet li rċieviet flus kontanti u rigali mingħand bniedem li jinsab mixli fil-qorti bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Anġlu Farrugia m’għandux jibqa’ fil-kariga ta’ Speaker tal-Kamra tad-Deputati. Ma jistax ikun li jkollna Speaker li jaqbeż għall-korrotti. Ma jistax ikun li jkollna Speaker li juri disprezz lejn il-Kummissarju dwar l-iStandards. Ma jistax ikun li jkollna Speaker li jipprova jsikket liċ-ċittadini, b’mod partikolari dawk iċ-ċittadini li jkun għaddew minn dak li għaddew minnu l-membri tal-familja Caruana Galizia minħabba l-impunità li qed jippermetti l-Istat.
Rosianne Cutajar m’għandhiex tibqa’ membru tal-Parlament. Jekk ma twarrabx minn jeddha, għandha titkeċċa mill-whip tal-Partit Laburista, kif kien tkeċċa Konrad Mizzi qabilha.
Jekk il-PM Robert Abela tassew iridna nemmnu li jrid ibiddel id-direzzjoni, ma jistax jippermetti lil Rosianne Cutajar li tikkontesta l-elezzjoni f’isem il-Partit Laburista. Postha m’huwiex fil-Parlament jew f’xi ħatra pubblika oħra.
Nhar it-Tnejn 29 ta’ Novembru 2021 fis-6 pm, Repubblika, Occupy Justice u manueldelia.com ser iwasslu l-messaġġ tagħhom waqt protesta barra l-bini tal-Parlament.
Insejjħu lill-poplu biex jingħaqad magħna.