Dan li ġej huwa dak li m’għandekx tagħmel meta tisfronda dar żewġ bibien ‘il bogħod mid-dar tiegħek u jinqatlu n-nies li jkun hemm fiha. Ma tagħmilx festin biex tifraħ għall-fatt li s-saqaf tad-dar tiegħek ma sfrondax. U lill-ġirien ma tmurx tgħidilhom li int tinsab kuntent li d-dar tiegħek mhix eżatt bieb ma’ bieb mad-dar imġarrfa u għaldaqstant m’għandekx għalfejn toqgħod ittella’ l-puntali biex is-saqaf tiegħek ikollu fuqiex iserraħ f’każ li l-ħsara fid-dar imġarrfa taffettwa wkoll lil tiegħek.
Ilbieraħ, bis-saħħa tar-rimarki insensittivi u tal-vavi li għadda, Robert Abela żelaq fin-niexef. Kien għadu kemm irritorna lura lejn Malta minn laqgħa urġenti tal-kapijiet tal-gvern tal-Unjoni Ewropea li fiha kellu l-opportunità li jisma’ lill-President Ukren jgħid li dik setgħet tkun l-aħħar darba li seta’ jindirizzahom. Il-belt kapitali tal-pajjiż Kyiv jidher li dalwaqt ser tkun okkupata minn waħda mill-aktar armati b’saħħithom fid-dinja. Il-Presidnet Ukren kien qiegħed biex li jinża’ l-glekk u l-ingravata biex jilbes ilbies għall-ġlied u biex ikun jista’ jingħaqad mal-voluntiera, bosta minnhom mingħajr taħriġ militari, biex jirreżisti lill-invażuri fit-triqat ta’ Kyiv, triq triq.
U, għal ġieħna, Robert Abela ġie biex jgħidilna kemm iħossu xxurtjat li hu m’għandux għalfejn jilbes ilbies għall-ġlied. U li m’għandux għalfejn joqgħod iħabbel rasu li qed fit-tmun ta’ pajjiż li jinsab viċin dik il-gwerra. X’aktarx li ser ikun hemm eluf – jekk mhux miljuni – ta’ bnedmin li ser ikollhom iġorru ħwejjiġhom u jlebbtu ‘l barra minn pajjiżhom. Il-Polonja, l-Ungerija, s-Slovakkja u r-Rumanija qed iħejju biex jilqgħu dawn il-miljuni ta’ refuġjati. U għal darb’oħra fl-istorja twila tagħhom, flimkien mal-Finlandja, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, ser ikollhom jgħixu bieb ma’ bieb ma’ Imperu Russu aggressiv u espansjonista li jrid iħassar l-apparat tas-sigurtà li nbena wara t-tmiem tal-Gwerra l-Bierda.
U, oħroġ il-għaġeb, kulma kellu xi jgħid Robert Abela kien li mnalla aħna m’għandniex x’naqsmu! Aqtgħu kemm ser jeħduh bis-serjetà l-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea meta nerġgħu nħabbtu wiċċna mal-migrazzjoni lejn xtutna ta’ dawk li jkunu qed jaħarbu mill-ġuħ u mill-iskjavitù fil-Libja fuq biċċa qoxra tal-baħar! Aħsbu ftit dwar kemm il-paniku li jkun fih għad jinstema’ patetiku u ironiku hu u jżomm ‘il barra mix-xtut tagħna l-migranti fuq il-qxur tal-baħar bejn sema u ilma u dan sabiex “is-serenità, s-serħan tal-moħħ u l-paċi” – kif huwa stess iddeskriva l-indifferenza tal-mistħija tiegħu – ma jintilfux.
Jekk ser ikollna l-ardir li nibqgħu “sereni” waqt li għaddejja gwerra mhux tant ‘il bogħod mill-fruntiera Ewropea li naqsmu ma’ ħaddieħor u jekk il-mexxej tagħna ser jitkellem f’isimna qisu xi sindku hu u jistqarr li ġaladarba li lilna l-gwerra ma messitniex, allura kollox sew, is-serenità ser nitilfuha minn taħt ħalqna ħafna aktar malajr milli jaħseb. Sakemm faqqgħet din il-gwerra, konna ngħidu li għandna prim ministru li jinsab mgħobbi bl-effetti tal-kompromessi li kien għamel fl-imgħoddi, b’mod partikolari l-kompromess li bis-saħħa tiegħu ħa post Joseph Muscat biex ikompli jagħtih il-kenn.
Hekk kif qed jinbidel ix-xenarju politiku, mal-medda taż-żmien għad jisgħobbina li għandna prim ministru li mhuwa xejn ħlief vavu.