L-imġiba ta’ Robert Abela fit-twettiq tal-professjoni tiegħu mhix aċċettabbli. Joseph Muscat kellu wiċċu jaqilgħu u kellu drawwa li jirrepeti l-kliem: “min ma jiġġilidx il-korruzzjoni huwa korrott”.
Ikolli nammetti li għandu raġun. Dan ifisser li l-Membri Parlamentari Laburisti, it-tmexxija tal-partit, l-impjegati tal-partit u dawk kollha (x’aktarx il-biċċa l-kbira tal-poplu) li ser jivvutaw lill-Partit Laburista ftit tal-ġimgħat oħra, dawk li qed jinjoraw l-istejjer li qed ixxandar it-Times of Malta dwar in-negozji ta’ Robert Abela mal-allegat kriminal Christian Borg, huma korrotti. Diġà huwa kundannabbli l-fatt li, b’azzjoniethom jew bin-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom, qed jinkoraġixxu l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa. Iżda lil kull ċittadin, saħansitra anki lil dak li jaspira li jsir prim ministru, qed jgħidulu biex ifarfar mir-responsabbiltà morali primarja li ma jikkoperax mal-kriminali.
Agħtu daqqa t’għajn lejn l-istorja li xxandret illum fit-Times of Malta dwar it-tieni każ ta’ bejgħ ta’ proprjetà li bis-saħħa tagħha Robert Abela għamel qligħ immedjat fuq art li sidha kien Christian Borg, ir-raġel suspettat b’imġiba illegali u li wettaq delitti vjolenti. F’waħda mill-kitbiet tiegħi, kont spjegajt kif qerq bħal dan iseħħ bil-għan li ma titħallasx it-taxxa u biex tippermetti lill-avukati li jitħallsu bagatella minn kriminali bi flus misruqin jew meħudin b’qerq mingħand il-vittmi tagħhom.
Meta tat-Times of Malta lil Robert Abela talbuh ir-raġuni għala ma kinitx ġietu f’moħħu li jistaqsi lil Christian Borg minn fejn kien akkwista l-flus biex seta’ jixtri dawk il-proprjetajiet kollha u dan fi żmien li kien għadu naqra ta’ żagħżugħ, Robert Abela stqarr li kien xogħol in-nutar u mhux xogħlu li jiżgura li l-flus użati minn Borg għan-negozju kienu nodfa.
Sofistrija u logħob bil-kliem bħal dawn nistennew li jagħmilhom kriminal li jkun ittella’ l-qorti. Ċertament ma nistennewhomx lanqas mingħand waiter f’ristorant li jistqarr li mhux xogħlu li jieħu ordnijiet għal xorb mingħand il-klijenti. Aħseb u ara kemm għandna nistennewhom mingħand avukat li huwa marbut professjonalment u etikament li jħares il-liġijiet kif ukoll marbut legalment (bħalna lkoll) li ma jilqax oġġetti misruqin jew li jaċċetta ħlas bi flus misruqin. Aħseb u ara mingħand bniedem li għandu l-kariga ta’ prim ministru.
M’għandniex xi ngħidu, taħsbux li Robert Abela ħass xi sens ta’ mistħija hekk kif ixxandru dawn l-istejjer u dan għaliex, bħala dixxiplu ta’ Joseph Muscat, jippretendi li ħadd ma jista’ għalih.
Anke jekk l-istejjer li xandret it-Times of Malta mhumiex ser jibdlu l-fehmiet dwar min għandu jinħatar prim ministru erba’ ġimgħat oħra, imġiba bħal din tibqa’ ħażina u inaċċettabbli. Hi wirja kundannabbli oħra tal-moralità kollettiva tagħna u tal-imġiba tagħna bħala soċjetà. Hi wirja wkoll tas-saħħa u s-setgħa li għandhom il-kriminali, li għandhom prim ministri (jew prim ministri futuri) jaħdmu għalihom u li jiftħulhom il-bibien beraħ għat-twettiq tal-kriminalità tagħhom.
Is-skiet perfett u l-indifferenza – jekk mhux ukoll l-ammirazzjoni għal min wera l-ħila biex jimpala l-miljuni mingħajr ma jkun ħadem għalihom – huwa xhieda ħajja tar-raġuni għala Malta hija Stat tal-Mafja u għala Robert Abela huwa l-prim ministru tagħha.