Bħalma qed jagħmel kważi kulħadd, Anġlu Gafà qed jaqra’ dak li xxandar dalgħodu fit-Times of Malta, f’The Shift u fl-istampa internazzjonali. X’aktarx li hu kien ilu jaf bid-dettalji ta’ din l-informazzjoni minn qabel ma nħatar Kummissarju tal-Pulizija. Iżda issa dawn id-dettalji nafuhom aħna wkoll u nafu wkoll li hu jaf bihom.
Taħt l-għajnejn miftuħin beraħ tal-pubbliku, Anġlu Gafà issa jeħtieġ jiddeċiedi għandux jarresta u jħarrek fil-qorti lil Joseph Muscat u lill-klikka tal-Panama dwar il-ħadma tal-isptarijiet. Kif kien ġie mgħallem l-iskola primarja, meta jkun jeħtieġ li jieħu deċiżjonijiet diffiċli għandu jaqbad lapes u karta, b’riga jħażżeż linja fin-nofs tal-karta minn fuq s’isfel u jikteb titli fuq iż-żewġ kolonni. Fuq naħa waħda għandu jikteb ir-raġunijiet il-għala jkun jeħtieġ li jarresta u jħarrek lil Joseph Muscat u fuq in-naħa l-oħra r-raġunijiet il-għala m’għandux jarresta u jħarrek lil Joseph Muscat.
Dawn li ġejjin huma r-raġunijiet il-għala m’għandux jarresta lil Joseph Muscat:
- Joseph Muscat jista’ jirreżisti l-arrest tiegħu u jsejjaħ lill-alleati tiegħu, li jistgħu jkunu armati, għall-għajnuna u dan biex jevita li jinżamm arrestat.
- Il-partitarji li għandu Joseph Muscat fil-Partit Laburista għandhom mnejn iwaħħlu f’Robert Abela u jista’ jinqala’ diżgwid kbir fil-Partit.
- Il-Pulizija għandha mnejn li ma jkollhiex aktar il-ħila li tibqa’ ma tiċċaqlaqx dwar skandli ta’ korruzzjoni oħrajn b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ Electrogas, Egrant u Pilatus Bank bil-konsegwenza li tkompli tiħrax il-kwistjoni.
- L-arrest ta’ Joseph Muscat għandu jimbarazza lill-Imħallef Giovanni Grixti li kien iddeċieda li Repubblika ma kellhiex dritt li titlob li ssir inkjesta dwar il-ħadma tal-isptarijiet u dan għaliex ma kienitx f’pożizzjoni li tipprova t-twettiq ta’ delitt.
- Jinħoloq preċedent fis-sens li inizjattiva li tkun ħadet għaqda tas-soċjetà ċivili tista’ twassal biex jitħarrku politiċi, saħansitra anki dawk li l-Pulizija tkun qed tagħtihom il-kenn.
- Il-karriera ta’ Anġlu Gafà tista’ tispiċċa f’xifer l-irdum għax ikun rifes il-kallijiet ta’ dawk li fl-imgħoddi kienu tawħ il-kenn, tal-ministru tiegħu u tal-prim ministru.
- Propagandisti fanatiċi bħal Emanuel Cuschieri jistgħu jkesksu lill-partitarji u jħeġġuhom “jilliberaw” lil Joseph Muscat u lil sħabu.
- L-arrest ta’ Muscat tagħti raġun lil Repubblika, li hi waħda mill-kritiċi persistenti ta’ Anġlu Gafà’s.
- L-arrest ta’ Muscat jista’ jkun ta’ gwadann politiku għall-PN.
Din li ġejja hi r-raġuni l-għala Joseph Muscat għandu jiġi arrestat:
- Mill-provi jirriżulta li Joseph Muscat mexxa’ konġura politika li xxaħħmet u li ħaslet il-flus maħmuġin.
Anġlu Gafà jeħtieġ jiddeċiedi liema huma r-raġunijiet li huma rilevanti għall-ġurament li ħa meta nħatar Kummissarju u liemna huma dawk li m’humiex.
Wasalna f’salib it-toroq.