Ir-rapport finali tan-NAO dwar il-ħadma tal-isptarijiet ilna nistennewh sa mill-2019 meta konna għamilna talba fil-qorti biex tinbeda’ nkjesta dwar delitti kriminali li allegajna li kienu seħħew b’rabta mal-kuntratt dwar l-isptarijiet. Konna għamilna din it-talba fil-qorti għaliex il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali kienu njoraw il-provi, b’mod partikolari dawk li kienet xandret Daphne Caruana Galizia.

F’appell li kien sar, Imħallef irrevoka l-ordni biex tinbeda’ nkjesta bl-iskuża li aħna ma konniex ippruvajna li kien seħħ delitt kriminali. Aħna erġajna għamilna talba oħra u din id-darba l-inkjesta nbdiet. Konrad Mizzi għamel kawża kontra l-gvern li hu kien parti minnu bħala ministru u lmenta li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu, iżda hekk kif xamm li kien se jitlef il-kawża, qabad u ċediha.

M’għandix għalfejn noqgħod nikkwota b’mod estensiv mir-rapport tal-bieraħ għaliex dan tistgħu taqraw dwaru fil-ġurnali. Iżda t-tliet punti li ser insemmi huma rilevanti ħafna għall-argumenti li ser inġib:

  1. Il-ġurnali kienu kelma waħda li Konrad Mizzi kien qarraq bil-membri tal-Kabinett: din m’hi xejn ħlief diska mġenġla li ddoqq għal widnejn il-gvern li għandu bżonn skuża biex iwaħħal f’xi ħadd u fl-istess ħin jipprova jgħatti l-warrani tiegħu.
  1. Skont ir-rapport Konrad Mizzi seta’ jqarraq bil-membri tal-Kabinett għaliex il-prim ministru – jiġifieri Joseph Muscat – kien ippermettilu li jagħmel dan. Ir-rapport igħid ukoll li Mizzi u Muscat kellhom relazzjoni mhux tas-soltu li bis-saħħa tagħha Konrad Mizzi kellu s-setgħa kollha li jopera minn barra l-istrutturi tal-gvern. Mizzi kien qabbad lill-avukati personali tiegħu biex jirrappreżentaw lill-gvern minflok dawk li kellu jqabbad skont kif tipprovdi l-Kostituzzjoni. Kien daħal flok il-ministru responsabbli – li r-responsabbiltajiet huma delinejati mill-Kostituzzjoni – għaliex Joseph Muscat kien ippermettielu li jagħmel dan.
  1. Kien diġà deċiż li tal-VGH kienu ser jirbħu l-kuntratt qabel ixxandret l-offerta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet u d-dettalji tal-kuntratt kienu diġà ġew miftehmin f’dokument iffirmat minn Chris Cardona, li aġixxa bħala estenjoni personali oħra tal-poter ta’ Joseph Muscat.

Dawn li ġejjin huma l-osservazzjonijiet tiegħi:

  1. Il-Ministri tal-Kabinett ma kienux ġew mqarrqa minn Konrad Mizzi iżda kienu aċċettaw li jiġu mqarrqa. U għaldaqstant xejn ma jista’ jiskużahom milli jerfgħu r-responsabbiltà, speċjalment ir-responsabbiltà diretta tad-Deputat Prim Ministru tal-lum Chris Fearne. Skont ir-rapport, jekk Chris Fearne ma kienx jaf Konrad Mizzi x’kien qiegħed jinnegozja, ċertament kien jaf li kien Konrad Mizzi, u mhux hu bħala Ministru tas-Saħħa, li kien qed jinnegozja dwar it-tmexxija tat-tliet sptarijiet fis-servizz nazzjonali tas-saħħa. Huwa kien fid-dmir li lill-prim ministru jgħidlu li jew ser jitħalla jagħmel xogħolu bħala Ministru tas-Saħħa jew inkella jkollu jwarrab. U kien ukoll fid-dmir li jinforma lil sħabu tal-Kabinett li, bħala Ministru tas-Saħħa, ma kienx jaf x’kien għaddej fin-negozjati dwar it-tmexxija tat-tliet sptarijiet.
  1. Il-Ministri tal-Kabinett qablu mal-ftehim minkejja l-fatt li ma kienux qrawh il-kundizzjonijiet kollha. Kienu fid-dmir li jeżiġu li jeżaminaw il-kundizzjonijiet. Il-qbil għami tagħhom kien mhux biss negliġenti iżda wkoll kompromettenti. Pubblikament Chris Fearne lill-kuntratt kien sejjaħlu bħala “the real deal” u kien wissiena biex ma nikkritikawħx. Ta’ dan ilkoll għandhom ir-responsabbiltà u jeħtieġ li jiġu mġiegħla jerfgħuha.
  1. Joseph Muscat ma kienx biss imexxi gvern. Kien ukoll imexxi organizzazzjoni kriminali bis-sehem ta’ Konrad Mizzi, Chris Cardona u Keith Schembri li bejniethom iffurmaw konġura bil-għan li jitwettqu d-delitti ta’ tixħim u ta’ korruzzjoni a skapitu tal-istat u, kif jallegaw dawk li jriduha ta’ vittmi, a skapitu ta’ VGH u eventwalment ta’ Steward. Li kieku f’Malta kellna l-liġijiet anti-mafja li Repubblika kienet pproponiet lill-Imħallfin tal-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, liema proposta kienet ġiet aċċettata mill-istess Imħallfin, Joseph Muscat u l-klikka tiegħu kienu jiġu mixlija taħt l-istess liġijiet.
  1. Lill-Awditur, Ram Tumuluri qallu li ried li jingħata protezzjoni bħala whistle-blower biex ikun jista’ jixhed liberament kontra ministri u uffiċjali tal-gvern li kienu għamlu pressjoni biex iġiegħlu lil VGH tbiegħ il-konċessjoni tal-isptarijiet, ħaġa li hu ma riedx li jagħmel. L-Awditur spjega li huwa m’għandux is-setgħa legali li jagħti protezzjoni ta’ whistle-blower. Fil-fatt, kif ilna nirrepetu, huwa Robert Abela li għandu s-setgħa li jiddeċiedi għandux jagħti l-immunità lil Ram Tumuluri biex ikun jista’ jixhed kontra l-kollegi tiegħu preżenti u tal-imgħoddi.
  1. Issa anki l-Awditur Ġenerali hu tal-fehma li dak li kien ftiehem dwaru Konrad Mizzi mal-konċessjonarji tal-isptarijiet kien ta’ żvantaġġ ċar għall-“Gvern” – jiġifieri l-poplu Malti u l-pazjenti tal-isptarijiet. Ma qabiżx għall-interessi tal-poplu Malti kif kien dmiru, iżda qabeż għall-interessi ta’ ħaddieħor, x’aktarx għall-interessi tiegħu. Joseph Muscat kien jaf sewwa b’dak kollu li kien għaddej u ppermettieh u dan ifisser li l-interessi personali ta’ Joseph Muscat ħadu s-soppravvent fuq l-interess pubbliku u spiċċaw biex tberbqu madwar nofs biljun ewro. Jeżistu liġijiet li jikkastigaw imġieba li twassal għal dan it-tberbiq iżda Repubblika kienet għamlet rakkomandazzjoni – li ntlaqgħet mill-Imħallfin tal-inkjesta – li għandu jkun hemm liġi apposta li tikkastiga l-abbuż tas-setgħa. Il-gvern ma qabilx ma’ din ir-rakkomandazzjoni.
  1. Konrad Mizzi, Joseph Muscat u Keith Schembri naqsu li jikkoperaw mal-investigazzjoni tal-Awditur għaliex m’huwiex fl-interess tagħhom li toħroġ il-verità kollha u għaldaqstant qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jostakolaw it-twettiq tal-ġustizzja. Malta m’għandhiex liġijiet li jikkastigaw lil min jostakola t-twettiq tal-ġustizzja. Lill-Imħallfin tal-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne, Repubblika għamlitilhom rakkomandazzjoni favur l-introduzzjoni ta’ liġi bħal din. L-Imħallfin qablu ma’ din ir-rakkomandazzjoni iżda l-gvern baqa’ ma qabilx magħha.

Robert Abela irid li jitpinġa bħala s-salvatur ta’ pajjiżna li salvana minn taħt id-dwiefer ta’ Konrad Mizzi: dak li l-gvern qed jipprova jwaħħal fuqu skandlu li l-pajjiż qatt ma ra bħalu. U li ftit huma dawk il-pajjiżi li raw bħalu.

Il-fatti juru li Robert Abela m’għamel xejn biex iwarrab lil Konrad Mizzi (u lil Keith Schembri u lil Joseph Muscat). Ftit qabel ir-riżenja ta’ Joseph Muscat, Robert Abela kien deher spalla ma’ spalla miegħu fil-konferenzi stampa. Ftit ġimgħat qabel, kien xela’ lil ulied  Daphne li dawn jobgħodu lil pajjiżhom aktar milli jħobbu lil ommhom. U meta deherlu li kien jaqbillu, din ix-xilja rtiraha.

Fiż-żmien li Robert Abela kien konsulent ta’ Joseph Muscat u kien qed jiddefendih pubblikament, aħna konna qed ninżlu fit-toroq kuljum biex neżiġu r-riżenja ta’ Joseph Muscat u lilu u lill-klikka tiegħu konna sejjaħnilhom “mafja”. Ma konniex inħbejna wara subgħajna iżda għamilna akkuża ċara.

Aħna dħalna l-qorti u tlabna biex dawn jiġu investigati għad-delitti kriminali li kienu twettqu u l-klijent ta’ Robert Abela, jiġifieri Joseph Muscat, ried li l-qorti tiċħad it-talbiet tagħna. B’xorti tajba, mal-mogħdija taż-żmien it-talbiet tagħna ntlaqgħu. U minħabba f’dan, il-Ħadd li għadda Robert Abela għajjarna “estremisti”. Jiġifieri, skont hu, lil dawk il-politiċi li jwettqu delitti kriminali m’għandniex nirrappurtawhom lill-awtoritiajiet biex jiġu nvestigati u mħarrka.

Mhux bis-saħħa tiegħu li Joseph Muscat u l-klikka tiegħu kellhom iwarrbu mis-setgħa. Lil Joseph Muscat, Robert Abela għattielu. Wara kollox, Robert Abela jmexxi partit li tana lil Joseph Muscat l-Invinċibbli, lil Konrad Mizzi l-kandidat stilla u lil Keith, għax hekk isibuh.

Aħna ssilitna biex narawhom jiġu mwarrba u Robert Abela ssielet biex iżommhom f’posthom.

Huwa wkoll ċaħad it-talbiet tagħna biex jinbidlu l-liġijiet biex l-istituzzjonijiet jingħataw is-setgħa li jmexxu kontra l-kriminali u kontra d-delitti kriminali li semma’ l-Awditur Ġenerali (u dawk li kienet semmiet Daphne Caruana Galizia u l-ġurnalisti li komplew ix-xogħol tagħha wara li din ġiet assassinata).

Dakinhar li Robert Abela fil-Parlament ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ abbozzi ta’ liġijiet li bis-saħħa tagħhom dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu jidħlu fis-seħħ, huwa tkaża u ddieħak u talab lil sħabu jivvutaw kontra.

Robert Abela huwa kompliċi. Huwa l-werriet tal-mafja. Huwa l-mafja nnifisha.