Aktar tinteressani r-reazzjoni għall-inċident tal-bieraħ dwar l-Awtorità tal-Ippjanar mill-inċident innifsu. Ejjew naraw ftit x’kien dak li seħħ il-bieraħ.
Il-gvern offra €4 miljun lis-sidien ta’ djar li jinsabu fiċ-ċentri tal-irħula sabiex isir xogħol ta’ tiswija fuqhom. Bis-saħħa tal-iskema, wieħed ikun jista’ jifdi sa €11,000 mill-ispejjeż li jkun nefaq. Din l-iskema, li kienet inħarġet ukoll fl-imgħoddi u wieħed jifhem li hi popolari man-nies, il-bieraħ ixxandret fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar. Iżda wara biss 15 il-minuta minn meta nfetħet, is-sistema tal-mili tal-applikazzjonijiet ikkraxxjat. Bosta kienu dawk li baqgħu b’xiber imnieħer hekk kif l-applikazzjoni li kienu qed jimlew għebet minn fuq l-iscreen tagħhom.
Nagħmilha ċara li jekk website tirċievi aktar żjajjar minn dak li kien mistenni, x’aktarx li din tikkraxxja. Dawn l-affarijiet jiġru. Il-websites jieħdu l-ispazju u jekk ikun hemm folla mdaqqsa li tipprova tgħaddi minn bieb dejjaq, il-bieb jispiċċa biex iċedi.
Il-bieraħ filgħaxija, l-ministru responsabbli stqarr li, f’temp ta’ ftit minuti, l-offerta tal-gvern kienet ittieħdet kollha. Araw x’qal skont rapport imxandar fil-Malta Today: “Il-Ministru tal-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi fil-parlament qal li f’temp ta’ ftit minuti wara li l-iskema nfetħet f’nofsinhar, kienu ntefgħu aktar minn 350 applikazzjoni. (Hu) qal li l-iskema ma’ taqbiżx l-€4 miljun u li ser jinqdew l-applikanti li japplikaw l-ewwel.”
Din l-ispjegazzjoni hi pjuttost stramba. B’massimu ta’ €11,000 kull waħda – u wieħed jassumi li kull applikant talab li jingħata l-massimu – it-350 applikazzjoni flimkien jammontaw għal madwar €4 miljun. Il-ministru semma’ li kien hemm “aktar minn” 350 applikazzjoni iżda ma qalx kemm kien hemm aktar. X’aktarx ma kienx hemm ħafna aktar minn 350 applikazzjoni għaliex, li kieku kien hekk, il-ministru kien jgħid kemm kien in-numru eżatt.
Jidher għalhekk li s-sistema kkraxxjat (jew, kif qed igħidu dawk li baqgħu b’xiber imnieħer, il-bieb issabbat f’wiċċhom) hekk kif daħlu biżżejjed applikazzjonijiet li leħqu l-ammont massimu.
Dan jista’ jkun jew jista’ ma jkunx misteru.
Kienet ir-reazzjoni tan-nies li ġibditli l-attenzjoni. Din ta’ hawn taħt hi konversazzjoni li seħħet taħt post li tella’ partitarju Laburista. Dawk li ħadu sehem fil-konversazzjoni kważi kollha stqarrew li huma Laburisti u li huma favur l-iskema. Iżda lkoll esprimew dubji serji kemm l-iskema kienet ħielsa minn xi forma ta’ korruzzjoni jew favoritiżmu.
Għall-mument ejjew ninjoraw min, fil-fehma tagħhom, qed jikkawża l-korruzzjoni (bosta jidhrilhom li jaħtu uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar u mhux politiċi Laburisti), u min jaħsbu li qed igawdi (ħafna minnhom jistqarru li taħt gvern Laburista, jgawdu biss in-Nazzjonalisti mill-korruzzjoni). Għall-argument li ser inġib, mhux importanti dawn għandhomx raġun jew le.
Li hu importanti hu li ħsibijiet bħal dawn fil-fatt igħaddu minn moħħhom. Dawn huma tal-fehma li l-gvern qed iħaddem skema li ġġiegħlhom jissuspettaw ħażin, li m’hix trasparenti u hi wkoll inġusta. Ma emmnux l-ispjegazzjoni uffiċjali li ngħatat fis-sens li s-sistema kienet ikkraxxjat u li t-tort huwa ta’ dawk li kienu damu jaħsbuha biex japplikaw.
Dawn ilkoll huma tal-fehma li din ma kienet xejn ħlief montatura mbagħbsa u li dawk l-“aktar minn” 350 applikazzjoni kienu ġew magħżula minn qabel inħarġet is-sejħa għall-applikazzjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Nerġa’ ntenni li, għall-iskop tal-argument li qed nagħmel, mhux importanti għandhomx raġun jissupettaw ħażin dwar dak li seħħ.
Li hu importanti huwa l-fatt li jidher li hemm qbil unanimu li wieħed ma jistax joqgħod fuq l-istqarrijiet li jagħmel il-gvern fis-sens li s-sistema m’hix waħda mbagħbsa. Jidher li lkoll naqblu – u hawn ninkludi wkoll partitarji fanatiċi tal-Partit Laburista – li l-istqarrija uffiċjali li għamel il-ministru fil-parlament wieħed ma jistax joqgħod fuqha, li x’aktarx gideb u li l-flus x’aktarx spiċċaw fil-bwiet ta’ bażużli magħżulin.
X’ifisser dan kollu? Ifisser li r-reputazzjoni tal-Partit Laburista tant hi mtappna bis-saħħa tal-fatt li fih ħaddan kwantità ta’ furbani, ħallelin u skrukkjaturi, li issa saħansitra anki l-aktar partitarji akkaniti tiegħu m’humiex jafdawh.