Tal-Lovin Malta lemħu l-kelma ‘Invictus’ — li tfisser “rebbieħ”…. jew anki, imbattibbli — mpinġija fuq driegħ il-Prim Ministru. Skantaw u bil-kemm emmnu dak li kien irnexxielhom jilmħu.
Din kienet ir-reazzjoni li Joseph Muscat xtaq li jipprovoka. U ried ukoll jipprovoka r-rabja.
Joseph Muscat m’huwiex xi Latinista. Li kieku ried seta’ joqgħod jiftaħar bir-rebħiet elettorali li kellu bis-Swahili jew bil-Korejan. Qatt ma kien magħruf għall-kelmiet li jżellaq bil-Latin, anki biex jitkessaħ.
Huwa għażel il-kelma ‘Invictus’ għaliex iħoss sens ta’ trijonf bil-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia – persuna li, f’għajnejh, kien irnexxielu jegħlibha bis-saħħa tal-karrozza-bomba li spiċċat biex ħasditilha ħajjitha. Huwa jaf li l-kelma ‘Invicta’ hi l-istess kelma li ntużat biex tiddeskriviha fl-ewwel ktieb li xxandar wara li nqatlet.
Joseph A. Debono u Caroline Muscat kienu xandru sensiela ta’ artikli fi ktieb li ssemma’ ‘Invicta: The Life and Work of Daphne Caruana Galizia’. Dan it-titlu kien wieħed xieraq għaliex jirreferi għal wieħed mill-kwalitajiet ewlenin li kellha bir-rimi: il-kuraġġ u d-determinazzjoni u dan minkejja r-ruxxmata gideb u mibgħeda li kellha tiffaċċja minn dawk fis-setgħa li riedu jaraw kif jagħmlu biex jeħislu minnha.
M’hemmx dubju li mill-mitluf, Joseph Muscat qed jipprova jieħu li jista’. Il-pjanijiet grandjużi li kellu għalih innifsu għal xi ħatra f’Brussell sarulu suf bis-saħħa ta’ dak kollu li kienet kixfet dwaru Daphne Caruana Galizia. Dan huwa fatt li ħadd ma jista’ jiċħdu.
Jista’ jingħad kważi biċ-ċert ukoll li kellu pjanijiet oħra li marrulu l-baħar. Iż-żmien kollu li kien għamel iżiegħel b’Ali Sadr Hashemi Nejad spiċċa biex kien kollu tagħżiq fl-ilma. Dak li ftehmu bejniethom ma jista’ qatt iseħħ sakemm wieħed minnhom ikun maqful il-ħabs. Mhux se jirnexxielu jsarraf daqshekk malajr, kienet x’kienet ir-raġuni il-għala baqa’ jagħti l-kenn lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi wara li feġġ l-iskandlu tal-Panama. Ma tkunx xi ħaġa ta’ barra minn hawn jekk jirriżulta li l-flus li kellhom igħaddu mill-kumpanniji tal-Panama, għaddew minn band’oħra. Jista’ jkun li issa mhux dak kollu li kien ġie mwiegħed jista’ jitwettaq.
Ir-reputazzjoni tiegħu spiċċat trietaq. U l-kredibilità tiegħu hi msejsa fuq l-arja tal-bulijiet. L-imġieba tal-partitarji fanatiċi – li mid-dehra jħossuhom tant mhedda minn erba’ protestanti żgħażagħ li kellhom l-“ardir” li jdendlu s-slaleb mas-siġar – ma tirriflettix xi kunfidenza rebbieħa. L-imġieba ta’ dawn il-partitarji tfisser li jinsabu maħkumin mill-paniku u minn mentalità ta’ assedju.
Għalhekk Joseph Muscat jinsab imwaħħal b’dahru mal-ħajt – m’għandu ebda kontroll fuq l-għażla ta’ min ser jilħaq minfloku u jinsab imbeżża’ li, wara li rebaħ tant battalji, se jispiċċa jitlef il-gwerra.
It-tpinġija fuq driegħu mhix xejn ħlief insult provokattiv li sar apposta biex il-ġurnalista li tant kixfet stejjer dwaru li ġabitu għarwien ħuta, titneżża’ mid-dinjità tagħha saħansitra anki wara mewtha.
L-imġieba ta’ Joseph Muscat tammonta għal waħda arroganti u insolenti. Il-kilba li għandu għas-setgħa wasslitu biex jiżloq fin-niexef b’ċerta brutalità. Għall-fallimenti u d-dgħjufijiet tiegħu qed iwaħħal f’kulħadd. U biex jiġġustifika s-setgħa li jinsab iggranfat magħha, qed jirrikorri għall-gideb u fl-istess ħin jurina li l-liġijiet ma jgħoddux għalih.
Il-kelma Invicta ipprova jisraqha mingħand Daphne Caruana Galizia għar-raġuni li huwa ħerqan li jikkapparra r-ruħ ta’ dawk li jikxfulu għawwaru u li jesponih ta’ li hu.
Dik it-tpinġija tirrifletti l-imġieba ta’ min iħoss li ma jista’ għalih ħadd u li xejn ma jxebbgħu.
Imġieba tat-tiranni.