Ara ma jkunx hawn min jaħseb li dawk li qed isegwu l-passi ta’ Maria Efimova issa se jaqtgħu qalbhom. Is-sentenza li ngħatat illum mill-Qorti Griega serviet biss bħala pawsa għax din fadlilha triq twila x’timxi.
Aħsbu ftit. Il-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia ma waqqafhomx milli jkomplu jippruvaw jinbxu lil uliedha u lil żewġha. Dawn in-nies tant huma mgħomijin bil-mibgħeda li ma jħossu ebda sens ta’ mistħija għall-aġir deplorevoli tagħhom.
Hekk kif il-Qorti Griega qatgħet is-sentenza tagħha kontra t-talba ta’ Malta għall-estradizzjoni, bdew isemmu pjan alternattiv li għandhom f’moħħom.
Dawk li qed isegwu l-passi ta’ Maria Efimova għad għandhom l-għażla li jagħmlu pressjoni kemm jistgħu fuq l-awtoritajiet ta’ Ċipru sabiex dawn ikomplu bit-talba li kienu għamlu f’Diċembru li għadda imsejjes fuq rapport li kien sar erba’ snin ilu mis-sid Russu tal-istabiliment fejn kienet taħdem Maria Efimova. Dan is-sid li huwa importatur tal-ġojjelli kien allega, erba’ snin wara li telqet mill-impjieg, li Maria Efimova kienet serqitlu għexieren tal-eluf ta’ ewro.
Ir-rapport sar meta xi ħadd tarraf lill-ġurnalisti Ċiprijotti b’informazzjoni li Maria Efimova qed tiġi mfittxija għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-avukat ta’ Maria Efimova ġie kkwotat li qal lill-mezzi tax-xandir tal-Greċja li t-talba ta’ Ċipru ma ġietx aċċettata mill-Interpol. Iżda sorsi mill-ministeru tal-intern ta’ Ċipru jsostnu li jista’ jkun hemm tifsira oħra għal dan: din hi li t-talba ta’ Ċipru għall-estradizzjoni kienet tqiegħdet fil-ġenb biex ikunu l-awtoritajiet ta’ Malta li jagħmlu l-ewwel attentat biex jiksbu l-estradizzjoni tagħha.
Issa li l-attentat falla, l-awtoritajiet ta’ Ċipru possibilment qegħdin jirrikonsidraw il-pożizjoni tagħhom.
Hemm numru ta’ persuni li għandhom wisq x’jitilfu u li m’humiex se jistrieħu qabel jeliminaw lil kull min jista’ jkompli jixkfilhom għawwarhom.
Fil-frattemp f’Malta, peress li d-dehra ta’ infallibilita ta’ Joseph Muscat ma tistax tiġi mittiefsa, hawn min qed jipprova jbenġilha.
Kif konna bassarna, illum Joseph Muscat qal lill-ġurnalisti li s-sentenza tal-Qorti Griega li ddeċidiet li tiċħad it-talba tal-gvern tiegħu mhix daqstant importanti. Qalilna li b’daqshekk ma kien ġara’ xejn u l-kummenti li għadda kienu qosra.
Iżda dawk tal-klikka ta’ madwaru ma żammewx lura milli jikxfu snienhom.
Josef Caruana, impjegat fl-uffiċċju ta’ Joseph Muscat u propagandista stil faxxist, kiteb fil-Facebook post li jqalla’ l-istonku. F’dan il-post Caruana ittanta li jwaħħal ir-responsabbilta tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia’s fuq binha l-kbir u fuq żewġha. Bħallikieku ma sofrewx biżżejjed mibgħeda tul ħajjitha. Fi kliem ieħor, ingħataw l-għażliet li kellha hi: jew issoddu ħalqkom jew ikollkom tbatu.
U intom taħsbu li lil Maria Efimova se jħalluha bi kwietha?
Il-Lord Haw Haw ta’ Joseph Muscat, Karl Stagno Navarra kiteb post li fiha stqarr li l-ħelsien ta’ Maria Efimova kien kaġun tal-manipulazzjoni ta’ David Casa fuq il-Qorti Griega. M’hemmx dubju li għandna għalxiex nirringrazzjaw lil David Casa talli rsista kemm felaħ biex akkwista l-ħelsien tagħha. Iżda li tmur tgħid li David Casa għandu l-ħila li jinfluwenza l-imħuħ tal-imħallfin Griegi naqra żżejjed.
Dan huwa l-misteru l-kbir tal-PN kif irrakkuntat minn nies qaddejja tar-reġim bħal Karl Stagno Navarra. In-Nazzjonalisti mhumiex kapaċi jirbħu elezzjoni f’raħal żgħir fejn Sindku Laburista xeba’ jgħaffeġ iżda, għaġeb tal-għeġubijiet, barra minn Malta inkiss inkiss jikkontrollaw id-dinja. Joseph Muscat huwa infallibbli ħlief meta dak l-antipatiku ta’ David Casa jagħmel użu mill-poteri enormi tiegħu biex lill-barranin ibellagħlhom li jrid.
Brian Hansford għadu ma bediex jeqred iżda nistenna’ li jibda’ bil-qrid tiegħu dalwaqt
Issa ilna għaddejjin bil-maltemp. M’hemmx li jibbnazza’.