Bi ħsiebni nimxi fuq il-parir tal-prim ministru u lill-monument ta’ Dom Mintoff fi Pjazza Kastilja mhux se nqisu bħala monument għall-imgħoddi iżda bħala monument għall-preżent u għall-ġejjieni.

Il-ġurnaliżmu u l-istorja jikkumplimentaw lil xulxin. U mhux bi ħsibni noqgħod niftaħar. Anqas m’jien bi ħsiebni noqgħod nagħmel analiżi dwar Dom Mintoff u niġi naqa’ u nqum dan il-bniedem kienx jistħoqqlu l-ġieħ permezz monument jew le. Issa, rridu jew ma rridux, il-monument hemm qiegħed. U sa 10 snin oħra n-nies xorta waħda se tkun taf għaliex sar hi u tħabbel rasha dwar l-iskop wara l-monument l-ieħor tal-irħam li jixbaħ qallut ta’ xi alla Grieg u wara l-bini tat-turġien suwed ftit metri l-bogħod li donnhom qed jistiednu lil dak li jkun biex jaqbeż għal isfel.

Għalhekk bi ħsiebni nanalizza l-istatwa ta’ Mintoff bħala monument għall-preżent u għall-futur taħt il-kappa tal-partit li hu kien il-fundatur tiegħu.

Il-monument ta’ Mintoff sar biex jonora l-korruzzjoni fil-politika. Ministri tal-gvern jinvolvu ruħħom fi skemi bil-għan li jimlew bwiethom bis-saħħa tal-politika u b’mod jew ieħor jsiru sħab anonimi u mħallsa f’negozji li jkunu nħolqu grazzi għall-poter li jkollhom. Jinsistu li jinnegozjaw huma stess u li personalment jiffirmaw ftehim ma’ terzi persuni b’nuqqas sħiħ ta’ trasparenza. Xi ministri għandhom saħħa aktar minn oħrajn. Il-politiċi onesti lanqas jażżardaw jikkonfrontaw lill-korrotti għax dawn jingħataw il-kenn mill-imgħallem.

Il-monument ta’ Mintoff sar biex jonora l-ġennati fir-relazzjonijiet barranin. Il-ħbiberiji mad-dittaturi u mal-kleptokrati jingħataw preferenza fuq it-tfassil ta’ politika li tagħmel is-sens ma’ alleati u sħab naturali. Tingħata l-wisa’ lill-ġbid ta’ ritratti ma’ membri ta’ reġimi mill-aktar brutali u nieħdu pjaċir sadistiku bil-mistħija li dan joħloq f’wiċċ il-gvernijiet li jridu jagħmlu tabirruħħom li huma ħbieb tagħna. Dawn ir-reġimi jingħataw aċċess sħiħ għal pajjiżna u xtur tagħhom jitgħatta bis-saħħa tal-ħbiberija tagħna.

Il-monument ta’ Mintoff sar biex jonora politika ekonomika mijopika. Bla diversifikazzjoni, bla innovazzjoni, bla investiment fl-infrastruttura, bla żieda fl-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi, bla pjan b’riżq servizzi soċjali sostenibbli, bla titjib fis-servizzi tas-saħħa, bla tnaqqis fl-impjiegi pubbliċi u bla kontrolli fuq l-infieq. U minflok, bil-korruzzjoni fl-offerti pubbliċi, bil-ħela fis-sussidji, bil-klienteliżmu sfrenat fl-ingaġġjar ta’ ħaddiema, bl-ingaġġjar bl-addoċċ ta’ ħaddiema mhux imħarrġa, bit-tmexxija minn persons of trust u mhux minn persuni kompetenti, bid-diskriminazzjoni politika tal-biża’ u bit-trekkin fil-ġenb ta’ riżorsi kunsidrati bħala mhux lejali.

Il-monument ta’ Mintoff sar biex jonora il-politiċizzazzjoni tal-forzi tal-pulizija. Il-liġi tiġi infurzata biss skond il-kulur ta’ min ikun ħabbat difru magħha. Jingħalqu l-għajnejn għall-azzjonijiet kriminali ta’ ministri u ta’ dawk tal-qalba. Min jikkritika jispiċċa vittimizat u intimidat. L-infurzar tal-ħlas tat-taxxa, l-infurzar tal-ippjanar, il-ħruġ tal-liċenzji u tal-permessi huma għodda biex jippremjaw lil min hu lejali u biex iweġġgħu lil min jirreżisti. L-infurzar huwa diskriminatorju u jitkattru l-preġudizzji tribali. Il-kriminali u l-pulizija konvenjentement jitwaħħdu kontra għadu komuni: dawk li jemmnu fl-onestà u fis-sewwa.

Il-monument ta’ Mintoff sar biex jonora l-iżvilupp bl-addoċċ. Il-konkos jirbaħ fuq il-ħamrija. Il-medjokrità tirbaħ fuq id-dixxerniment. L-aktar jirbaħ fuq l-aħjar. Siti storiċi jinqerdu filwaqt li nibżgħu għal monumenti f’ġieħ żmien mitiku soċjalista tad-deheb. Sħubija qaqoċċa mal-kuntratturi li jibnu t-toroq, ma’ dawk li jħalltu s-siment, mas-sidien tal-barrieri u mal-ispekulaturi tal-artijiet biex illum jagħmlu kemxa flus u l-problemi ta’ għada jkollu jsib tarfhom ħaddieħor.

Il-monument ta’ Mintoff sar biex jonora l-kultura tal-proletarjat: l-irxuxtar ta’ Ġensna u WardaKanta f’Valletta 2018. Jason Micallef jippersonifika lil dawk li għalihom il-kultura tfisser iċ-cirklu, bużullotti bin-nar u bix-xwabel u t-twerżiq taċ-ċrieċer u tal-gidmejmun. Kultura li ma tħarisx il-libertà tal-kelma u li ma tistax tgħaddi mingħajr l-inkinar lejn ir-reġim.

Il-monument ta’ Mintoff sar biex jonora l-iżolament politiku minn dawk l-istituzzjonijiet li jirrispettaw id-demokraziija u l-libertà. L-investigazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa jiġu njorati. Ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew jingħataw il-ġenb. Il-verżjoni tagħna tad-drittijiet u tal-libertajiet fuq livell ogħla minn dawk tal-bqija tad-dinja.

Il-monument ta’ Mintoff sar biex jonora l-vjolenza u l-intimidazzjoni fuq kull oppożizzjoni. Ġurnalisti vittimizzati u intimidati, familjari tagħhom umiljati publikament u attakkati, is-sigurtà tagħhom injorata jekk mhux ipperikolata, l-għejjun tagħhom rikattati u mitfugħa l-ħabs. L-istampa internazzjonali mkeċċija, il-mistoqsijiet tagħha jibqgħu bla tweġiba, ir-rappurtar tagħha kkalpestat u l-motivazzjoni tagħha ridikolat. 

Il-monument ta’ Mintoff sar biex jonora dawk li nqatlu għax irreżistew waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Tabilħaqq kif qal Joseph Muscat, żmien Dom Mintoff huwa l-preżent. U l-ġejjieni tagħna.