Clyde Puli ta intervista lil The Malta Independent li fiha kien hemm ħaġa li ma daqqitlix. Fil-fatt, kien hemm aktar minn waħda, iżda ejja nitkellmu dwar waħda biss.
Hu u jħabbar il-kandidatura ta’ żewġ kandidati ġodda għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u, jekk dawn jaċċettaw, il-possibilità li jiżdiedu mal-lista żewġ kandidati oħra, qal ukoll li l-PN kien xolja l-Kummissjoni dwar l-Għażla tal-Kandidati u reġa’ lura għas-sistema ta’ qabel li permezz tagħha huwa s-Segretarju Ġenerali li jmexxi t-tfittxija tal-kandidati. Ir-rapport imxandar f’The Malta Independent jirreferi għax-‘xoljiment tal-Kummissjoni Elettorali’ u jidher li l-awtur tar-rapport ħawwad bejn żewġ kummissjonijiet li t-tnejn kienu mmexxija minn Joe Borg.
Wieħed jista’ jargumenta fis-sens li x-xoljiment tal-Kummissjoni se jikkomplika l-affarijiet. Permezz tal-ħidma tal-Kummissjoni kien hemm miżura ta’ oġġettività fl-għażla tal-kandidati u kienet tnaqqset sew il-possibilità li jkun hemm il-preferenzi. Niftakru li s-segretarju ġenerali stess huwa kandidat għall-elezzjoni. X’ħeġġa jista’ jkollu dan li jħajjar biex jikkontestaw għall-elezzjoni nies validi li potenzjalment jistgħu jħabbtuh fil-ġirja għall-voti?
M’jinix ngħid li Clyde Puli m’għandux għerf biżżejjed biex jegħleb it-tentazzjonijiet, iżda l-verità hi li l-Kummissjoni għenet biex suspetti bħal dawn jisfgħu fix-xejn.
Kien hemm vantaġġ ieħor bil-Kummissjoni. Vantaġġ li issa spiċċa biex intrema’: il-possibilità li kandidati prospettivi, wara li jkun ġew mgħoddija mill-għarbiel, ma jiġux aċċettati biex jirrappreżentaw lill-Partit.
Eżempju wieħed huwa ċ-ċaħda tal-applikazzjoni ta’ John Bonello biex jikkontesta l-elezzjoni mal-PN. Kif kien mistenni, ftit wara dan tfaċċa fl-attivitajiet politiċi tal-Labour.
Eżempju ieħor kien iċ-ċaħda tal-applikazzjoni ta’ Jean Claude Micallef biex jikkontesta l-elezzjoni mal-PN. Kif kien mistenni wkoll, dan imbagħad spiċċa kkontesta l-elezzjoni mal-Labour.
Iċ-ċaħda ta’ dawn iż-żewġ applikazzjonijiet kellha sservi ta’ argument validu favur it-tkomplija tal-Kummissjoni.
Iżda rrid ngħid li jien m’għandi xejn kontra dawk il-partiti politiċi li jagħżlu huma kif jirregolaw lilhom infushom u, wara kollox, il-membri tal-kumitat tal-għażla li jgħoddu l-aktar m’huma ħadd ħlief il-votanti. Allura sta għall-PN li jiddeċiedi dwar kif għandhom jintgħażlu l-kandidati tiegħu.
Iżda wieħed għallinqas għandu jistenna li l-partiti politiċi jirrespettaw ir-regoli tagħhom stess. Il-Kummissjoni dwar l-Għażla tal-Kandidati hi mwaqqfa bl-istatut tal-PN stess u s-Segretarju Ġenerali ma jistax jaqbad u jxoljiha kif ġieb u leħaq.
Azzjoni bħal din mhix biss sfida fil-konfront ta’ Kummissjoni li ma nħatritx bl-awtorità tiegħu. Hi sfida fil-konfront tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit, li hu l-unika entità li għandu s-saħħa u l-awtorità li jibdel l-Istatut u li jiddikjara xjolta l-Kummissjoni.
Kien hemm okkażjoni oħra meta seħħ dan fil-PN. Jesmar Baldacchino kien inħatar bħala d-Direttur Informazzjoni tal-PN b’daqqa ta’ pinna meta dan kien messu nħatar bil-kunsens tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit.
Meta partit politiku jonqos li jirrispetta r-regolamenti tiegħu stess, għandna nistennew li se jirrispetta l-liġijiet ġaladarba jkun fil-gvern?