Il-banners li ttellgħu dal-lejl, 8 xhur wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fihom messaġġ b’saħħtu. Lil Daphne sikktuha. Iżda dan ma jfissirx li ħaddieħor se jissikket ukoll.

Huwa messaġġ lil dawk kollha li, għax il-protesti u l-verità jikxfuhom ta’ li huma, jridu jsikktu lil ħaddieħor. Lil dawk kollha li jridu lil ħaddieħor jiskot biex il-ħmerijiet li jlissnu jinstemgħu rilevanti. Lil dawk kollha li għandhom nostalġija għaż-żminijiet meta t-trab kien jinkines taħt it-twapet u meta konna nagħmlu tabirruħna li kollox ward u żahar. Lil dawk kollha li jiskartaw mix-xogħol u jippretendu li jitħallsu xorta waħda.

‘Mhux se nisktu’ hi risposta f’waqtha lill-bulijiet, lill-manigoldi, lit-trolls u lis-sidien tagħhom, lill-bankiera u lill-politiċi, lis-sinjuruni li jużaw lil pajjiżna biex jippruvaw inaddfu r-reputazzjoni tagħhom.

Hija sejħa diretta lejn dawk li jippreferu jinsew, lejn dawk li xebgħu jisimgħu u lejn dawk li jridu jdawwru l-ħsieb tagħhom fuq affarijiet oħra.

Hija wegħda solenni li d-dwejjaq ta’ ħaddieħor, dak kollu li jaljenahom u l-lealtàjiet għomja li jxekkluhom m’humiex se jwaqqfuna.

‘Mhux se nisktu’ hi sejħa biex inkunu ta’ eżempju u biex ma nonqsux minn dmirna. Hi sfida biex ngħelbu l-biża’ u l-iżvantaġġi, l-iżolament u d-disperazzjoni.

Nixtiequ li nkunu aktar numerużi, iżda dan mhuwiex daqstant importanti.

Mhux se nieqfu sakemm toħroġ il-verità. Mhux se nieqfu sakemm issir ġustizzja.

Tmien xhur. Tmien snin. Tul ħajjitna. Xejn m’hu aktar importanti minn dan.

U, kif forsi naħsbu ta’ sikwit, m’aħniex weħidna.

Bosta huma dawk li jaqraw fis-silenzju u jiktbu fis-satra. Dawn ukoll jafu jiddeċiedu. U xi drabi juru r-rabja tagħhom u joħorġu jipprotestaw bil-kalma iżda b’rieda tal-azzar. Nies li ma nkunux nafu min huma. Nies li ma jitkellmux mhux għax kompliċi imma għax jibżgħu.

Dawn ipprotestaw mal-kanċell tal-ambaxxata tagħna fil-Greċja, post minn fejn il-Gvern ta’ dan il-pajjiż ġie mħeġġeġ jibgħat lil Maria Efimova lura hawn. U staqsew il-mistoqsija li tal-ambaxxata kien messhom staqsew. Min qatel lil Daphne?