Dan ir-ritratt inġibed minn Darrin Zammit Lupi għar-Reuters. Kuntistabbli tal-pulizija ittanta jostakola lil min ried jiġbed ritratt minkejja l-fatt li dan iddikjara li huwa ġurnalist li kien fuq il-lant tax-xogħol.
Kif wieħed jista’ jobsor, il-pulizija kien qed jipprova jiċċensura l-protesta tal-Kenniesa li ħarġu b’figuri tal-kartun ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi libsin ilbies tal-ħabsin.
Il-pulizija dan kollu ma felħux. U issa nafu eżatt għala.
Dan huwa Joseph Mangion, il-pulizija in kwistjoni. Daphne Caruana Galizia kienet wissietna dwaru, f’dan il-post f’Mejju tas-sena l-oħra. Joseph Mangion kien reġa’ ddaħħal minn tal-Labour fil-korp tal-pulizija wara li kien diġà rtira.
Dan il-bniedem mhuwiex iħarislek il-libertà tal-kelma tiegħek jew il-libertà għall-informazzjoni. Qiegħed iħares u jipproteġi ministru ta’ gvern korrott li hu ħabib tiegħu.
Iċ-ċans li jiġi ċensurat ġurnalist li jkun fuq il-lant tax-xogħol minn dan il-kuntistabbli huwa ferm akbar miċ-ċans li Konrad Mizzi jiġi mħarrek biex jiffaċċja l-ġustizzja.