L-istorja li xandar Jacob Borg fit-Times of Malta tal-bieraħ żvelat li MFSP Financial ġiet immultata mill-FIAU talli kisret il-liġijiet tal-MFSA. Hija ħaġa mis-sewwa li l-intermedjarji wieħed joqgħod għassa tagħhom bil-għan li dawn jinżammu kontabbli meta jagħlqu għajnejhom fil-konfront tal-ħassiela ta’ flus maħmuġin, l-evażuri tat-taxxa u l-frodisti.

Iżda dan m’huwiex kollox. Jekk il-FIAU ikun irriżultalha li tal-MFSP naqsu li jgħaddu mill-għarbiel transazzjonijiet li jagħtu biss “informazzjoni mill-aktar bażika u ġenerika” dwar minn fejn ikunu ġew il-flus, allura ikun hemm għalxiex wieħed jissuspetta ħażin dwarhom.

Tal-MFSP kellhom f’idejhom investimenti ta’ Keith Schembri, fost oħrajn.

Hawn tistgħu taraw id-dokumenti li ġew mgħoddija lili li juru li r-rabtiet li Keith Schembri kellu mal-MFSP sa mill-2010 meta kien qed ifassal ir-roadmap tal-Labour fil-gvern.

Dawn id-dokumenti juru li client account reference S-00108 kien ġie mgħoddi personalment lil Keith Schembri u jidher il-kunsens bil-firma ta’ Keith Schembri sabiex jinfetaħ il-kont mal-MFSP. Għandi wkoll fil-pussess tiegħi dokumenti li juru li barra l-personal account reference S-00108, mal-MFSP Keith Schembri kellu wkoll żewġ client accounts ‘C-00144’ and ‘B-0040’. Il-tliet kontijiet ddaħħlu mill-MFSP f’file wieħed daqslikieku kienu jifformaw parti mill-ġid ta’ bniedem wieħed. Minn dokumenti li jien rajt b’għajnejja jirriżulta li ‘C-00144’ tirreferi għal Colson Services Limited, kumpannija li mill-Panama Papers jirriżulta li hi waħda sigrieta reġistrata fil-British Virgin Islands li s-sid tagħha huwa Keith Schembri. Aktar tard irriżulta wkoll li l-awtoritajiet tal-British Virgin Islands kienu nvestigaw lil Colson dwar ħasil ta’ flus.

Tal-MFSP inqdew bil-client account references biex jiddepositaw flejjes għan-nom ta’ Keith Schembri fil-Bank of Valletta. U issa tal-MFSP ġew immultati mill-FIAU talli rċievew depożiti mingħand klijenti mingħajr  m’għaddewhom mill-għarbiel.

Kif irrappurtajt ftit ġimgħat ilu, tal-MFSP kienu ddepożitaw kważi $500,000 f’kontijiet fil-Bank of Valletta li kienu amministrati minnhom fl-interess ta’ Keith Schembri. Minn dokumenti tal-MFSP li jien rajt b’għajnejja, ma jirriżultax li kienet saret xi inkjesta dwar minn fejn kienu ġejjin dawn il-flejjes.

Irid jingħad ukoll li dawn il-flejjes waslu 5 ġimgħat wara li Keith Schembri wasal lura Malta minn Baku fejn kien attenda – b’persuni mis-servizz ċivili assenti għal kollox – għal laqgħa ma’ Ilham Aliyev li fiha ġew miftehma diversi ftehim politiċi dwar l-enerġija għal Malta. Skond l-Awditur Ġenerali u l-esperti li magħom ikkonsultaw The Guardian u The Daphne Project, b’dawn il-ftehim kienu ngidmu waħda sew il-konsumaturi Maltin.

Wara li rċieva dawn il-flejjes, ma jidhirx li ttieħdet xi azzjoni biex Keith Schembri jiġi investigat. Il-prim ministru Joseph Muscat, wara li saret pressjoni mill-kap tal-oppożizzjoni Adrian Delia, ċaħad fil-Parlament li Keith Schembri qatt irċieva dawn il-flejjes.

Madankollu Keith Schembri baqa’ sal-lum ma tniffisx.

Minn dokumenti li jien rajt b’għajnejja jirriżulta mingħajr ebda dubju li, minkejja ċ-ċaħda tal-prim ministru, Keith Schembri kien verament irċieva dawn il-flejjes.

Dan ifisser li l-prim ministru żvija u daħak bil-Parlament.