Fl-imgħoddi Cyrus Engerer diġà kien imħajjar jikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Kien irtira l-kandidatura tiegħu fl-aħħar minuta minħabba kundanna mill-Qorti talli kien xandar ritratti pornografiċi ta’ sieħbu bi tpattija wara li kien kisirha minn miegħu.

Joseph Muscat kien sejjaħ l-irtirar ta’ din il-kandidatura bħala att erojku u lil dan il-kunsillier eks Nazzjonalista b’akkuża serja mdendla ma’ għonqu kien laqqmu bħala “suldat tal-azzar” – x’aktarx l-ogħla unur li l-Partit Laburista jista’ jagħti lil xi ħadd.

Dak iż-żmien il-Partit Laburista kien beża’ li jitlef il-voti li kieku Cyrus Engerer tħalla jikkontesta.

Peress li kienu obbligati lejh talli telaq mill-PN, irranġawlu għal impjieg f’Brussell u ieħor għal sieħbu.

Sakemm dam Brussell kien prattikament l-ambaxxatur ta’ Malta sakemm xeba’ u rritorna Malta biex ikompli fejn kien ħalla: issa se jikkontesta bħala kandidat fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Jaqaw ir-raġunijiet li minħabba fihom kien irtira l-kandidatura tiegħu ħames snin ilu issa nbidlu? Jaqaw ismu tnaddaf? Le. Kien ġie kundannat mill-Qorti u l-kundanna kienet ġiet konfermata mill-Qorti tal-Appell. Jaqaw sirna aktar tolleranti għax-xandir bi tpattija ta’ materjal pornografiku? Żgur li le. Niftakru li dan l-aħħar kien hemm kontroversja politika taħraq dwar video ta’ koppja f’pożizzjoni kompromettenti f’karrozza li xxandar fuq il-media soċjali.

Għandi nimmaġina li tal-Oppożizzjoni, bħalma kienu ħames snin ilu, m’humiex kuntenti b’din il-kandidatura għalkemm għadni ma smajthom igħidu xejn.

Allura x’inbidel minn ħames snin ‘l hawn?

L-impunità totali ta’ gvern li jħoss li hu ntokkabbli. Mill-2014 l’hawn sirna nafu li fost dawk eletti f’karigi pubbliċi hemm min evada t-taxxa, min iffroda, min ma xebgħax jigdeb u nissuspetta li hemm l-assassini wkoll. Allura lil min instab ħati ta’ tixrid bi tpattija ta’ ritratti pornografiċi se narawħ żejjed?

Nistenna li ma jkun hemm ħadd li jmur igħid – forsi ħlief Cyrus Engerer – li Cyrus Engerer diġà ħallas prezz politiku ta’ għemilu meta kien irtira l-kandidatura tiegħu fl-2014 u li bata biżżejjed konsegwenzi politiċi għar-reat kriminali li kien wettaq. 

Il-kandidatura tiegħu m’hi xejn ħlief konferma dwar kemm waqgħu fil-baxx il-livelli f’dan il-pajjiż. Bħal donnu li t-twettiq ta’ reat kriminali sar jitqies bħala kwalifika biex wieħed jipparteċipa fil-politika fuq in-naħa tal-Labour. Qabel tibqa’ trodd is-salib, trid tipprova li int maħmuġ sabiex imbagħad tkun tista’ tibda’ tkewwes fil-borma.