Neville Gafà lit-Times of Malta qalilha li qiegħed “jiċħad l-allegazzjonijiet kollha tas-Sur Grech Mintoff u li qed jirriserva d-dritt li jieħu passi legali”. Din kienet ir-reazzjoni tiegħu għad-dokumenti li ssottometta Ivan Grech Mintoff f’kawża ċivili li fiha stqarr li xhieda potenzjali li kienu xaħħmu lil Neville Gafà biex jakkwistaw viża għal Malta huma beżgħana li jiġu Malta minħabba biża’ li jkun hemm min hu lest għalihom biex ipattihielhom. It-tagħlima li ħadna mill-istejjer ta’ Maria Efimova u ta’ Jonathan Ferris hi li l-whistle-blowers f’Malta jkollhom jaqdfu kontra l-kurrent speċjalment meta jitkellmu dwar il-korruzzjoni tal-klikka ta’ Kastilja. Neville Gafà – bniedem mingħajr ħiliet ħlief li jservi ta’ kelb tal-ġlied għal Keith Schembri – qed jingħata l-kenn minn fuq nett.
Huwa jinsab mixli minn diversi xhieda bit-twettiq ta’ reati kriminali li għandhom iwasslu biex jispiċċa jinqafel il-ħabs għal snin twal. Iżda x-xhieda huma lkoll barranin. Agħar minn hekk, huma mil-Libja. F’moħħ bosta nies, dan il-fatt biss iqajjem ċertu razziżmu fis-subkonxju tagħhom li jqis lil min hu mil-Libja bħala persuna li ma tistax torbot fuqu. L-istess bħalma kienu jitqiesu n-nisa tul is-sekli fl-imgħoddi. Skond din il-psikoloġija kollettiva razzista, min hu mil-Libja huwa meqjus bħala giddieb strafottenti. Hawn Malta ma nqisux lil dawn in-nies bħala refuġjati li qed jippruvaw jaħarbu mill-gwerer u li, sforz id-disperazzjoni tagħhom, ikollhom ixaħħmu uffiċjali korrotti tal-konsolati ta’ pajjiżna.
Neville Gafà jista’ jixxebbaħ ma’ dak il-baħri li kien jixxaħħam mill-passiġġieri sinjuri li kienu rikbu “First Class” fit-Titanic sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu l-postijiet riservati għan-nisa u t-tfal fid-dgħajjes ta’ salvataġġ. Dan huwa bniedem mill-agħar li madankollu jibqa’ f’postu għax, bħas-soltu, jgħidilna li r-reati kriminali li wettaq huma biss “allegazzjonijiet” li qatt ma ġew ippruvati fil-qorti.
Dawn ma ġewx ippruvati għax il-pulizija m’għamlet xejn biex tinvestigahom bis-serjetà. X’jistgħu jagħmlu l-pulizija? Jistgħu jibdew billi jipproteġu lill-whistle-blowers li Ivan Grech Mintoff qed jitkellem dwarhom, billi jagħtuhom l-immunità mill-prosekuzzjoni talli xaħħmu, billi jiggarantulhom il-ħruġ tal-viża li kienu applikaw għaliha u billi jġibuhom hawn biex jixhdu kontra l-uffiċjal korrott li seraqhom. Lil Neville Gafa minflok qegħdin narawħ miexi spalla ma’ spalla ma’ Keith Schembri, b’arja ta’ importanza fuq wiċċu qiesu kelb tal-but jinbaħ mal-ġurnalisti. Dan il-bniedem huwa bully, manigold u kriminal. U għad iħallas prezz qares għal għemilu.