L-inkompetenza fenominali tal-istituzzjonijiet regolatorji Maltin hekk kif dawn jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ ħallelin li jaħdmu qaqoċċa mal-gvern ta’ Joseph Muscat issa nfirxet lil hinn mill-iskandlu tal-Pilatus Bank. Fil-każ ta’ dan il-Bank l-aġenziji regolatorji Maltin, bil-kompliċità sħiħa ta’ politiċi Maltin imxaħħma, ippermettew lil Ali Sadr li jibni struttura internazzjonali biex jiġu faċilitati l-ħasil tal-flus maħmuġin u l-ksur ta’ sanzjonijiet li kienu saru kontra pajjiżu l-Iran.
L-inkompetenza qed tidher ukoll fil-każ tal-akkreditazzjoni tal-American University of Malta (“AUM“) mill-kummissjoni li kien imexxi il-propagandist tal-Labour Martin Scicluna.
F’artiklu ppublikat il-bieraħ fil-blog xellugi Isles of the Left eks-għalliem li ismu baqa’ anonimu ddeskrieva l-mod kif għalliema Amerikani kkwalifikati kienu ġew ingaġġati minn Hani Salah, l-iżviluppatur Ġordaniż li ngħata biċċa art pubblika mdaqqsa f’Żonqor kif ukoll il-bini storiku fid-Dock One f’Bormla. L-ingaġġ tal-għalliema ma kien xejn ħlief att frawdolenti intiż biex ibellagħha lin-National Council for Further and Higher Education li l-iżviluppatur kien armat mil-lat akkademiku u dan bil-għan li tiġi akkwistata l-akkreditazzjoni.
Hani Salah imexxi s-Sadeen Education Investment Ltd, kumpannija sussidjarja tal-Jordanian Sadeen Group.
U hekk kif ġiet akkwistata l-akkreditazzjoni, tkeċċew l-għalliema akkademiċi kollha, ħlief għall-prepostu John Ryder – veteran tal-Khazar University of Azerbaijan – u dawn ġew sostitwiti minn oħrajn bi kwalifiki inferjuri.
L-għalliem akkademiku li ma setax jikxef ismu minħabba n-non-disclosure agreements li kull impjegat ġdid kien ġie mġiegħel jiffirma, qal ukoll li, kuntrarjament għal dak li kien qed jingħad, mhux veru li l-AUM hi akkreditata man-New England Association of Schools and Colleges. In-NEASC fil-fatt qalet lill-eks-impjegati tal-AUM li “l-AUM lanqas biss kienet qatt tefgħet applikazzjoni biex tiġi akkreditata”.
Skond dan l-akkademiku “dak li ilhom isostnu għal snin sħaħ bosta Maltin issa huwa ċar. Din l-istituzzjoni m’hi xejn ħlief finta.” (Aqra hawn dwar dan.)
Joseph Muscat kien iddeskrieva lill-Università Amerikana bħala “rigal lil Bormla fit-tielet anniversarju mill-mewt ta’ Dom Mintoff”.
Is-sidien tal-American University of Malta kienu rreġistraw in-negozju tagħhom fl-indirizz tal-accountant tal-Partit Laburista Deo Scerri, li issa huwa ċ-Chairman tal-Bank of Valletta.
F’April 2017 Daphne Caruana Galizia kienet xandret aħbar dwar laqgħat li saru bejn Hani Salah u Adrian Hillman, membru tal-Panamagang li kien tħallas madwar $650,000 minn Keith Schembri, ċ-chief of staff tal-prim ministru.
Fuq “rakkomandazzjoni ta’ uffiċjali għolja tal-gvern”, fl-29 ta’ Ottubru 2017 l-AUM kienet ħabbret il-ħatra ta’ Adrian Hillman fuq il-Bord tal- American University of Malta, pożizzjoni li x’aktarx għadu qed jokkupa.