Araw lil Edward Scicluna jinħall quddiem il-microphones tal-ġurnalisti u quddiem is-suppost ġurnalista li taħdem għall-Partit Laburista.

It-tweġibiet tiegħu huma kompletament neqsin mil-loġika.

Il-mistoqsijiet li sarulu ma sarux b’xi akkuża kontra l-FIAU iżda b’waħda kontra l-Pulizija talli din naqset li taġixxi fuq dak li kienet skopriet l-istess FIAU. Din il-mistoqsija injoraha għal kollox. Naqas li jikkritika lill-Pulizija u minflok infexx jattakka lill-Maġistrati inkwirenti talli qed jieħdu żmien twil biex jistabilixxu l-fatti.

M’għandniex xi ngħidu, konvenjentement injora l-fatt li l-Maġistrati ma’ jistgħux jieħdu post il-Pulizija kemm il-darba l-Pulizija tibqa’ ma tiċċaqlaqx. Ma jistgħux jordnaw arresti jew iħarrku. Ma jistgħux jagħmluha ta’ prosekuturi.  Dan il-Pulizija biss tista’ tagħmlu.

Imbagħad għadda biex tefa’ botti kontra l-whistleblowers fl-FIAU. Ma messshomx marru għand il-Kap tal-Oppożizzjoni bl-informazzjoni li kellhom, qalilna l-Ministru. “Li kieku kienu serji”, kien messhom marru għand il-Maġistrati.

Ħmerija.

Min fejn ġabha din li uffiċjal tal-FIAU li jkun skopra raġunijiet serji biex tittieħed azzjoni kriminali għandu jmur għand Maġistrat? Għala allura m’għandux ukoll imur għand l-Arċisqof jew għand il-kowċ nazzjonali tal-football? Il-liġi tgħidlina ċar fejn għandu jmur: għandu jmur għand il-Pulizija.

Meta kien għadu Kummissarju, Michael Cassar ingħata wieħed minn dawn ir-rapporti. U ta’ ġifa li hu, f’radda ta’ salib irriżenja u lebbet ‘il barra.

U mbagħad il-buffu li għandna bħalissa, mitluf kif kien fuq il-bajd ta’ Joseph Muscat, inħatar floku.

Fiċ-ċirkostanzi, l-investigatur jaf ben tajjeb dan li ġej:

  1. Jaf li dak li rriżultalu mhux se jiġi investigat mill-Pulizija u li mhux se jsiru taħrikiet;

Iżda agħar minn hekk,

2. Jaf li dawk involuti — jiġifieri Keith Schembri, Konrad Mizzi u rjus kbar oħra li għandhom ħafna aktar saħħa milli qatt jista’ jkollu hu — issa jafu dak kollu li ġie rrappurtat dwarhom.

Fil-każ li qed nitkellmu dwaru, nafu li l-investigaturi tal-FIAU spiċċaw biex tkeċċew talli dawn għamlu xogħolhom.

F’dak il-kuntest, “l-hekk imsejjaħ whistleblower” kif sejjħilhom Edward Scicluna, jistgħu jmorru għand min jidhrilhom huma bl-informazzjoni li kienu ġabru. Huwa appuntu għal din ir-raġuni li dawn jissejħu whistleblowers: għaliex l-istrutturi eżistenti jsiru ostakli b’riżq it-tfittxija tal-verità u dawn l-ostakli jkun jeħtieġ li jingħelbu. U l-whistleblowers għandhom kull dritt li jħarsu lilhom infushom. U għandhom id-dritt ukoll li jqabbdu lil ħaddieħor “biex imur għand il-Maġistrat”.

U min jikxef imbagħad jista’ jmur jinħeba u jgħix ħajja trankwilla.

Il-ġurnalisti għalhekk qegħdin hemm. Il-Membri tal-Parlament għalhekk qegħdin hemm ukoll. Xogħolhom hu li jaraw li l-gvern jinżamm kontabbli għall-għemil tiegħu u dan ix-xogħol jista’ jsir biss bil-għajnuna ta’ dawk li l-identità tagħhom għandha tibqa’ dejjem kunfidenzjali u li jkunu jafu b’informazzjoni li l-gvern ikun irid jostor.

Indunajtu li Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat kienu nqabdu li wettqu transazzjonijiet illeċti mill-FIAU? Huma dawn it-tlieta li mbagħad raw kif għamlu biex il-Pulizija tibqa’ ċassa minkejja l-informazzjoni kollha li kixfet il-FIAU.

Iżda mill-banda l-oħra huwa Edward Scicluna li qed ikollu jinżel għarkubbtejh fil-ħmieġ inkallat biex jara li d-dgħajsa tal-gvern ma tinkaljax mal-blat. Tiftakru kemm ilkom ma taraw lil Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat iwieġbu mistoqsijiet imbarazzanti? 

Tiġi f’moħħna l-intervista famuża tal-bużullieq jew tal-artful dodger. Edward Scicluna ħareġ agħar minn bużullieqa.