Meta Konrad Mizzi u Keith Schembri ntebħu li kienu nqabdu fil-fatt li ħolqu kumpanniji fil-Panama, taħsbux li wrew xi ndiema talli ttantaw jaħbu l-ġid ġej mit-tixħim. Iżda ndannaw għax kienu nqabdu. Għax mis-servers kollha fl-uffiċċji legali kollha li hemm madwar id-dinja, ix-xitan ried li kellhom ikunu dawk ta’ Mossack Fonseca fil-Belt tal-Panama li l-ġurnalisti sabu mezz kif jikxfuhom.

Edward Scicluna qed jirraġuna b’mod pervers. Skond il-Ministru li kieku Daphne Caruana Galizia ma nvestigatx il-Pilatus Bank u li kieku dawn l-investigazzjonijiet ma ssuktawx wara li din ġiet assassinata, il-Parlament Ewropew, il-European Banking Agency u issa anke l-Kummissjoni Ewropea u wkoll x’aktarx il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, ma kienu jsiru jafu xejn bil-mod fjakk u dgħajjef li bih pajjiżna qed jiġġieled kontra l-ħasil tal-flus.

Hawn jista’ jkun li għandu raġun. Iżda kieku u kieku waqa’ u kiser siequ.

Fid-dinja tal-lum, pajjiż li huwa dipendenti għall-għajxien tiegħu mis-servizzi finanzjarji jeħtieġ li jkun mill-aktar trasparenti u jidher li l-gvern tagħna naqas li jifhem il-ħtiġijiet tad-dinja kontemporanja. Mill-2001 ‘l hawn, l-attakki terroristiċi ġiegħlu lill-gvernijiet igħaddu liġijiet ħorox kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Meta mbagħad feġġet il-kriżi finanzjarja fl-2008, nibtet ukoll ħafna anqas tolleranza minn naħa tal-gvernijiet lejn il-ħabi ta’ flus b’riżq l-evażjoni tat-taxxi. Ir-reazzjoni kontra l-globalizzazzjoni li qegħdin nassistu għaliha bħalissa ġġiegħelna niffokaw fuq il-problemi tas-sistema finanzjarja dinjija u fuq ir-rwol ta’ Malta f’dan kollu.

In-nuqqasijiet m’humiex purament amministrattivi. L-iskuża li ġab Edward Scicluna – li ftit ħafna huma dawk li jemmnuha – li hu qatt ma ndaħal fl-operat tal-agenzija ta’ kontra l-ħasil tal-flus hi waħda fjakka. M’hemmx dubju li l-amministraturi u dawk li dmirhom hu li jinfurzaw għandhom iwieġbu u jerfgħu ir-responsabbiltà għan-nuqqasijiet tagħhom.

Iżda wieħed jeħtieġ jifhem li l-konklużjonijiet tal-bieraħ tal-Kummissjoni Ewropea  jammontaw wkoll għal falliment  politiku. Wara li kien ilu jtawwal u jitnikker xhur sħaħ, il-gvern naqas li jressaq fil-Parlament liġijiet li permezz tagħhom setgħu jiddaħħlu fis-seħħ il-liġijiet Ewropej. U ta’ dan in-nuqqas jaħtu biss il-Ministri.

M’huwiex daqstant rilevanti l-fatt li, biex is-sitwazzjoni ma tkomplix tiggrava, dawn ingħataw aktar żmien biex iressqu dawn il-liġijiet. Jeħtieġ nifhmu li n-nuqqasijiet m’humiex frott l-inkompetenza jew in-nuqqas ta’ riżorsi.

Il-gvern jinsab immexxi minn grupp ta’ persuni li għandhom interess personali li jiżguraw li l-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus tibqa’ waħda dgħajjfa. Meta Malta ġiet imwissija formalment dwar dan, ħadd ma skanta. L-iskandlu tal-Pilatus Bank huwa biss każ inċidentali. Tul dawn l-aħħar ħames snin Malta ppreżentat lilha nnifisha bħala dik ir-rokna fl-Ewropa fejn il-liġijiet tobdihom jekk trid u fejn l-infurzar isir biss skond min int. Ħaddieħor beda’ jarana bħal dik it-tieqa li wieħed jitħajjar igħaddi minnha jekk ma jirnexxilux igħaddi mill-bieb. Sirna pajjiż li fih kollox igħaddi kemm il-darba l-irjus il-kbar jinżammu kuntenti.

Jista’ jagħti l-każ li Edward Scicluna qatt ma ried li naslu proprju sa hawn — għallinqas jidher li dan hu li qed jittama li jgħidilna. Jidher ċar li Scicluna qed igħix fis-sħab u jinsab distakkat mir-realtajiet tal-kariga li qed jokkupa u jidher ukoll li ma fehemx li kemm għemilu kif ukoll in-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tiegħu jġibu magħhom konsegwenzi li għalihom huwa personalment u direttament responsabbli.

Dan la għandu x’jaqsam mal-pjaċir li jista’ jagħti lil xi wħud jekk jaqtagħha li jirriżenja u lanqas mal-vantaġġ politiku li jistgħu jieħdu l-avversarji a skapitu tiegħu. Iżda għandha ħafna x’taqsam mal-messaġġ li nkunu qed nagħtu lid-dinja: li f’Malta nifhmu sew xi tfisser il-kontabilità.

Il-Kummissjoni Ewropea ‘semgħet’ – kif din irnexxielha tisma’ mhux daqstant importanti – li f’Malta teżisti tolleranza inaċċettabbli għall-ħasil tal-flus. Investigat u irriżultalha li dan huwa minnu.

Dan huwa ħażin. U huwa ħażin għaliex issa, rridu jew ma rridux, ninsabu wiċċ imb’wiċċ ma’ opinjoni oġġettiva ta’ entità li għandha s-saħħa li tħarrek lill-gvern quddiem Qorti Ewropea, liema opinjoni tikkonferma dak li ilna nafuh żmien twil u li l-gvern baqa’ jiċħad: jiġifieri li, fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, morna l-baħar f’dik li hi ż-żamma ta’ livelli għoljin f’dik li hi sigurtà u korrettezza.

Ta’ spiss niltaqa’ ma’ persuni li jaħdmu f’dan il-qasam u li jaħilfuli li huma qatt ma ċappsu jdejhom. Dan jista’ jkun li huwa minnu. Iżda ma nistgħux nippretendu li d-dinja se tibbaża l-ġudizzji tagħha dwarna fuq l-amor proprju ta’ dawk fostna li għandhom subgħajhom dritt meta mbagħad jaraw li qed nonqsu li ngħaddu liġijiet b’saħħithom u li ninfurzawhom kif suppost.

Bin-nuqqas ta’ liġijiet b’saħħithom u bin-nuqqas ta’ infurzar li għandna, m’għandniex għalfejn niskantaw li jarawna koroh u jqisuna taħt id-dell tal-Pilatus Bank.

Żgur ma jgħinx il-fatt li Keith Schembri jinnegozja apertament ma’ dan il-bank. Joseph Muscat jiċħad li l-bank għadda flejjes lil membri tal-famija tiegħu – iżda dan kemm jista’ jitwemmen?

M’għandniex għalfejn niskantaw meta d-dinja tara l-Pilatus Bank fina lkoll ġaladarba l-prim ministru tagħna u l-id il-leminija tiegħu jagħmlu użu mis-servizzi tiegħu. Il-gvern tana l-fama u tefagħna l-baħar.

Edward Scicluna m’huwiex se jiddefendi ruħu billi jwaħħal fil-prim ministru għal dan it-taħwid kollu u jgħid li l-ħtija m’għandhiex titgħabba fuqu. Għallinqas mhux se jagħmel dan fil-beraħ. Anki jekk saħansitra jkollu l-kuraġġ u s-sinsla li jlissen diskors bħal dan, Scicluna jaf li dan id-diskors ikollu ta’ bilfors isir lill-membri tal-partit tiegħu. U hu jaf ukoll li isqof ma jista’ qatt jeħodha kontra l-alla tiegħu.

Dan iħallilu żewġ għażliet. Jew jerfa’ sehemu tar-responsabbiltà u jdabbar rasu. Jew inkella jibqa’ fejn hu u jisħet is-siegħa u l-mument meta l-Kummissjoni Ewropea ntebħet li huwa naqas mir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura li l-ħasil tal-flus għandu jitwaqqaf, anke meta l-prim ministru stess ikun ħati ta’ dan l-aġir kriminali.