Meta fl-2013 tal-Labour telgħu fil-gvern, inbeda’ proċess ta’ qtugħ tal-irjus tal-biċċa l-kbira – ħlief għal tnejn – tal-kapijiet tas-servizz ċivili. F’wirja ta’ disprezz totali lejn l-istituzzjonijiet kostituzzjonali, il-gvern dabbar l-irjus tal-kap tas-servizz ċivili kif ukoll ta’ kważi s-segretarji “permanenti” kollha.

Fost il-ftit li skansawha kien hemm Alfred Camilleri, li kienu u għadu Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi.

Il-pożizzjoni li jokkupa Alfred Camilleri hi waħda mill-aktar importanti fis-servizz ċivili kollu. Hi pożizzjoni importanti daqs dik tal-Avukat Ġenerali u tal-kap tas-servizz ċivili nnifsu. Fl-antik kienu jirreferu għalih bħala s-Segretarju Finanzjarju tal-gvern u kien jaħdem id f’id mas-Segretarju Amministrattiv li issa huwa magħruf bħala s-Segretarju Permanenti Prinċipali.

Qabel l-2013, Alfred Camilleri kien ferm rispettat u kellu wkoll ċerta saħħa fis-servizz ċivili. Kull deċiżjoni finanzjarja kienet tgħaddi mill-għarbiel tiegħu u kull inizjattiva ministerjali kienet teħel jekk ma kienx ikollha l-approvazzjoni tiegħu. Kien impona dixxiplina stretta fuq l-infieq tal-gvern bil-għan li jpatti għall-iżbilanċ. Nistgħu ngħidu li taħtu, l-ingaġġ ta’ ħaddiema mal-gvern kien waqaf.

Saħansitra kien oppona lil Lawrence Gonzi meta l-prim ministru xtaq iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma minħabba l-iffrankar ta’ spejjeż ta’ enerġija li kien ser iġib miegħu il-power station il-ġdid kif ukoll l-interconnector ma’ Sqallija. Alfred Camilleri baqa’ jinsisti li l-kontijiet setgħu jitraħħsu biss wara li jseħħ l-iffrankar tal-ispejjeż u mhux qabel. Din ma kienet xejn ħlief deċiżjoni bażata fuq il-prudenza u għaqal finanzjarju.

Il-ħila li kellu Alfred Camilleri li jieqaf lill-Ministri kienet ġibdet l-ammirazzjoni ta’ politiċi anzjani li hu kien tant ħabbat. Lawrence Gonzi kien jipparagunah ma’ Peter Grech li bħala Avukat Ġenerali kien qisu biċċa xaħam f’karta. Peter Grech kien jinżel rasu ‘l isfel saqajħ il-fuq jekk kien jaħseb li l-prim ministru hekk riedu li jagħmel. Lawrence Gonzi kien instema’ mill-konsulenti tiegħu jgħid lil Peter Grech ‘għidli int x’inhi l-fehma tiegħek, u mhux tgħidli dak li taħseb li nixtieq nisma’. Diskors bħal dan lil Alfred Camilleri ma kellux għalfejn igħidulu.

Ħadd ma skanta meta imbagħad Peter Grech ħadem ħarir mal-gvern Laburista. Kull ma kellu jagħmel kien li jkompli jiżfen għad-daqq tal-mużiċist il-ġdid.

Ir-relazzjoni ta’ Alfred Camilleri mal-gvern il-ġdid hi misteru. Ma kien hemm ebda kolleġjalità meta l-gvern beda’ jaqta’ l-irjus tal-kollegi tiegħu kollha ħlief għal wieħed biss. U d-dixxiplina li kien impona fuq l-ingaġġ tal-ħaddiema mal-gvern taret mar-riħ hekk kif il-gvern beda’ jingaġġja il-persons of trust bl-addoċċ.

Barra minn hekk, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma traħħsu bit-tama li l-power station ta’ Konrad Mizzi eventwalment tinbena’ u tiffrankalna l-flus.

Is-sussidji f’ċerti oqsma baqgħu jiżdiedu u ttripplaw.

Id-direct orders lill-bażużli saru r-regola u mhux l-eċċezzjoni.

L-offerti pubbliċi saru qishom mejda tal-qubbajd li minnha titqassam iċ-ċejċa lill-favoriti tas-soltu.

Regolaturi internazzjonali u aġenziji tal-infurzar għandhom f’idejhom provi dwar l-inkompetenza grassa li hemm fi ħdan ir-regolaturi tagħna stess.

Fejn jidħol Alfred Camilleri f’dan kollu? X’sar minnu dak li qabel l-2013 kien jissielet b’tant qawwa mal-Ministri? Jaqaw intelaq mal-kurrent u ddakkar minn min jidhirlu li m’hemmx għalfejn dixxiplina fl-amministrazzjoni pubblika? Jew forsi issa l-priorità tiegħu hi li jżomm fil-wiċċ u li aħjar jiġbed lejn xawwatu? Ta’ min jistaqsi jekk dan kollu kienx parti minn xi pjan imfassal qabel l-2013? B’dak li Alfred Camilleri kien jippriedka b’saħħa qabel l-2013 kien qed jaqdi l-interessi tal-Oppożizzjoni Laburista li kellha l-voti x’tirbaħ frott id-dixxiplina fis-servizz ċivili?

Nafu li hemm eluf ta’ karti bil-firma tiegħu fil-files tal-Ministeru tal-Finanzi li permezz tagħhom kien jipprotesta kontra ruxxmata deċiżjonijiet meħuda minn politiċi. Iżda x’aktarx ikun hemm punt meta t-taqtigħat interni ma jibqgħux fl-interess tal-pubbliku u jsiru forma ta’ kompliċità b’riżq tmexxija ħażina.

Alfred Camilleri ma jistax jittama f’xi maħfra eventwali għax forsi jinħeba wara skuża li kien ta l-pariri tiegħu kontra l-korruzzjoni u l-governanza ħażina ta’ dan il-gvern. Skuża bħal din kien Albert Speer li ħareġ biha: li hu qatt ma spara lejn ħadd. U dan minkejja l-fatt li l-armi kien qed jipproduċihom hu.

Għalkemm fuq il-karta r-rwol tas-Segretarju Finanzjarju ma nbidilx mill-2013 ‘l hawn, dak li qed jokkupa din il-kariga jidher li għamel metamorfosi. Minn persuna stretta immens fuq id-dixxiplina, issa jidher li mmansa u immuta.

Taħt Joseph Muscat, kull minn irid iżomm fil-wiċċ ikollu jħallas billi jarmi l-baħar ir-responabbiltà, id-dinjtà u r-rispett.