Wara investigazzjoni li saret mill-FBI, Mustafa Cetinel – sal-lum direttur tal-Pilatus Bank – qed jiġi mħarrek fil-qrati federali tal-Istati Uniti. F’April, il-Financial Times irrappurtat li Mustafa Cetinel kien ġie investigat mill-FBI, iżda ma kienx hemm aħbar dwar taħrika.

Minn spezzjoni li saret fir-reġistru tal-qrati federali ta’ Manhattan irriżulta li l-prosekutur federali ppreżenta taħrika kontra Mustafa Cetinel. Minkejja l-fatt li l-Pilatus Bank bħalissa jinsab immexxi minn “persuna kompetenti” maħtura mill-gvern, Mustafa Cetinel – b’differenza għal Ali Sadr – baqa’ ma tkeċċiex minn direttur tal-Bank.

Minkejja l-fatt li t-taħrika pubblika kontra Ali Sadr imkien ma ssemmi lil Mustafa Cetinel, lill-Financial Times irriżultalha li Cetinel kien ukoll wieħed mis-suspettati.

Skond dokumenti pubbliċi Torok, Mustafa Cetinel kellu 4% tal-ishma fi Stratus International Contracting, kumpannija li nħolqot minn Ali Sadr li allegatament tħallset flejjes illeċti li jinsabu taħt investigazzjoni mill-awtoritajiet Amerikani.

Ali Sadr kien tneħħa minn direttur mill-gvern wara li feġġet l-aħbar li l-awtoritajiet federali Amerikani kienu arrestawħ u ħarrkuħ fuq akkużi ta’ frodi bankarja u ta’ ksur tas-sanzjonijiet.

Fis-siegħat li ġejjin mistenni li tiġi ffissata data biex jibda’ l-ġuri kontra Ali Sadr.

Il-fatt li tnejn mid-diretturi tal-Pilatus Bank ġew imħarrka fuq akkużi ta’ frodi bankarja ikompli jikkonferma l-fehma ġenerali li l-bank kien inħoloq f’Malta biex imexxi attività kriminali li tgħattiet b’intervent tal-gvern.

Il-gvern irrifjuta li jerfa’ r-responsabbiltà dwar il-kwistjoni tal-Pilatus Bank prinċipalment għaliex il-prim ministru Joseph Muscat baqa’ jiċħad li mill-istess bank kienu saru ħlasijiet illeċti fuq tixħim lil martu  Michelle Muscat u lil seħbitha fin-negozju f’New York Michelle Buttigieg.

M’għandniex xi ngħidu, malli l-gvern jammetti dak li hu diġà ovvju f’għajnejn kulħadd  — jiġifieri li l-gvern għatta xtur il-Pilatus Bank — ma jkunx jista’ jkompli jiċħad il-provi li Michelle Muscat u Keith Schembri inqdew bil-bank b’riżq l-attivitajiet kriminali tagħhom.

Mal-Pilatus Bank Kieth Schembri kellu kont li fiħ irċieva ħlasijiet mingħand l-awditur tiegħu Brian Tonna. Għalkemm Keith Schembri jgħid li dawn il-ħlasijiet saru biex jintradd lura self li kien  għadda llegalment lill-awditur tiegħu, jeżistu dokumenti li juru li l-ħlasijiet kienu kummissjonijiet mill-bejgħ ta’ passaporti lil sinjuruni Russi.