Edward Scicluna qed jissielet biex isalva ġildu.

Dak li kiteb fit-Times of Malta tal-lum jista’ jitqies bħala attentat biex iżomm fil-wiċċ bis-saħħa ta’ l-użu ta’ lingwaġġ klassiku Laburista u lemini ‘tajjeb jew ħażin, l-ewwel pajjiżi’. X’aktarx li dam xi ftit biex tniffes għaliex – sforz l-iskola li għandu kif ukoll għax għadu relattivament ġdid fil-politika – inizjalment inħakem minn sens ta’ mistħija. Iżda issa jidher li xi ħadd ipperswadih biex igħid li lill-European Banking Authority, li huwa t-tielet l-akbar r-regolatur fid-dinja, David Casa qed imexxih minn imnieħru.

M’għandix dubju li Scicluna jaf li qal ħmerija, iżda jidher li pperswadewh li fil-pajjiż ta’ Dom Mintoff jista’ jgħaddiha lixxa. U se jgħaddiha lixxa.

Ġab l-iskuża wkoll li l-ministru ta’ qablu – Tonio Fenech – kellu laqgħa ma’ Ali Sadr mentri hu ma kienx iltaqa’ miegħu. Il-fatti dejjem jibqgħu fatti.

Kif inhuma fatti wkoll dawk li Edward Scicluna ma jsemmihomx.

L-imgħallem tiegħu, Joseph Muscat, kien ukoll iltaqa’ ma’ Ali Sadr. Kien ħobża u sikkina miegħu u saħansitra kien reħielha lejn l-Italja biex jattendi għat-tieġ tiegħu.

Ali Sadr kien ingħata liċenzja biex imexxi bank mill-Ministeru ta’ Edward Scicluna. Kien Edward Scicluna li rċieva l-applikazzjoni ta’ Ali Sadr u kien Edward Scicluna li din l-applikazzjoni għarbilha u għaddiha.

Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwar l-attività kriminali li kienet tinsab għaddejja fil-Pilatus Bank. U għal sena sħiħa Edward Scicluna għażel li jinjora l-kitbiet tagħha.

Kien hu li akkuża lill-investigaturi tal-FIAU li kienu kitbu rapporti dwar il-Pilatus Bank “biex imbagħad jixxandru baxx baxx”, u ġimgħa wara baqa’ gallarija meta lil dawn dabbrulhom rashom mix-xogħol.

Sal-ġurnata li l-awtoritajiet federali Amerikani arrestaw lil Ali Sadr, fil-Parlament baqa’ jiddefendi lill-bank ta’ Ali Sadr u baqa’ jgħid li ma hemm ebda raġuni għaliex kellu jemmen li fil-bank kien hemm it-taħwid. Sakemm imbagħad iż-żejt tela’ f’wiċċ l-ilma.

Edward Scicluna ħareġ bl-iskuża fjakka li l-każ tal-Pilatus Bank kien biss fula f’qargħa. Nafu bit-taħwid li kien hemm f’dan il-bank  – u mhux ukoll b’oħrajn – għax dak iż-żmien Daphne Caruana Galizia kienet għadha mimlija bil-għomor.

Dan il-bank ta’ Ali Sadr kien tħalla jagħmel li jrid għaliex kien jieħu ħsieb flejjes illeċti għal Keith Schembri u għal mart Joseph Muscat.

Edward Scicluna jistedinna biex inħarsu lejn ir-rappurtaġġ tal-ġurnali ta’ madwar id-dinja, lejn l-investigazzjonijiet minn entitajiet Amerikani u Ewropej u lejn ir-rapport tal-European Banking Authority, u jgħidlina li kollox huwa ġej minn sors wieħed. Minn Malta.

Is-sors huwa il-klikka tal-Panama immexxija minn Joseph Muscat mgħejjun minn Edward Scicluna li llum ddefenda lilu nnifsu l-istess bħalma kien għamel Adolf Eichmann: tajjeb jew ħażin u minkejja dak kollu li seħħ, il-ferroviji ħadmu fuq ir-rubini u, li kieku l-Ġermanja rebħet il-gwerra, ħadd ma kien ikun jaf bl-atroċitajiet li kienu seħħew kontra l-Lhud.

Fil-każ tiegħu, Scicluna jsemmi l-biżibilju ta’ konferenzi li attendew għalihom in-nies ta’ taħtu kif ukoll l-emendi għal-liġijiet li huwa għadda mill-Parlament. Li kieku ma kienx għal Daphne Caruana Galizia, li spiċċat biex ħallset b’ħajjitha, ħadd ma kien isir jaf li dawn il-liġijiet kienu qed jintrifsu taħt is-saqajn u jinkisru hekk kif tal-Pilatus Bank tħallew jaħslu flejjes b’riżq il-kriminali u l-ħallelin li ħakmu l-pajjiż.

Edward Scicluna jista’ jkompli jinjora l-appelli biex jirriżenja. Jista’ jkompli jinjora l-konkużjonijiet tal-European Banking Authority. Jista’ jkompli jwaħħal f’David Casa. Jista’ jkompli għaddej għax kull diċenza li seta’ kellu taritlu mar-riħ. U jista’ jibqa’ kkakkmat mal-poter.

Madankollu l-fatti dejjem jibqgħu fatti. Bl-iskola u bl-għerf kollu li suppost għandek irnexxielek iċċappas isem pajjiżna bil-ħama mad-dinja kollha. U eżatt bħalma jagħmlu l-vavi, tipprova twaħħal f’David Casa.