L-awtur ta’ dan l-artiklu mhuwiex ġdid għal din il-website. Idħlu fil-link ta’ dak li kien kiteb l-ewwel darba. Illum qed jerġa’ jikkummenta:

Dalgħodu stenbaħt bil-ħsieb li għal mument qasir naċċetta l-idea li l-Prim Ministru huwa bniedem tal-affari tiegħu li verament ma’ kellu ebda intenzjoni li jkun kompliċi fl-abbuż tal-poter mill-ewwel ġurnata li rifes fuq l-għatba ta’ Kastilja wara li kien għamel kampanja sħiħa msejsa fuq il-meritokrazija, it-trasparenza u l-kontabilità.

L-ewwel immaġni li ġietni f’moħħi kienet dik ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri huma u  jinħatru minn Muscat bħala Ministru responsabbli għall-offerti pubbliċi kbar u bħala Chief of Staff rispettivament, dan tal-aħħar l-id il-leminija jew qisu t-tieni mara tiegħu.

It-tieni immaġni hi dik ta’ Brian Tonna meta, ftit jiem wara, ngħata struzzjonijiet biex joħloq tliet kumpanniji sigrieti u biex jassigura li la l-banek lokali u lanqas il-kummissarju tat-taxxi nterni jsiru jafu bihom. Muscat ma jaf xejn b’dan kollu. Hu jaf bis-sigrieti tagħhom u huma jafu b’tiegħu. Iżda dan kollu għamluh minn wara dahru għax kienu jafu li ma kienx se jittollera din il-korruzzjoni sfaċċata iżda ċ-ċans li jinkixfu huwa wieħed remot.

Immorru issa ftit ‘il quddiem fiż-żmien meta, dakinhar li nkixfet il-kumpannija Hearnville Inc. u r-reazzjoni tiegħu fis-sens li m’hemm xejn ħażin li l-Ministru jkollu kumpannija fil-Panama kemm il-darba dan jiddikjaraha u li, iva, ftit ġranet qabel il-Ministru bħala membru parlamentari kien urieħ kopja ta’ abbozz ta’ dikjarazzjoni bil-lista tal-ġid kompriża din il-kumpannija.

Ftit ġranet wara, inkixef l-isem ta’ Tillgate Inc. u meta ġurnalist jiġbidlu l-attenzjoni li anke ċ-Chief of Staff tiegħu għandu kumpannija sigrieta, Muscat isir qisu xitan u jhedded lill-ġurnalist b’kawża talli qal dan. Allura l-ewwel igħid li ma kien hemm xejn ħażin fl-egħmil ta’ Mizzi u wara jiċħad li Schembri tista’ tgħaddilu minn rasu li jagħmel xi ħaġa simili.

Il-bużillis jinsab fil-fatt li, wara li l-istorja tal-Panama Papers tferrxet mad-dinja kollha u wara li għadda xi ġranet jaħsibha dwar x’kien se jkun il-pass tiegħu li jmiss, Muscat jerġa’ jikkontradixxi lilu nnifsu. Ineħħi lil Mizzi minn deputat mexxej iżda jiġġustifika l-egħmil ta’ Schembri għax dan “negozjant”. Biex ikompli jgħaxxaqha, Mizzi jżomm postu fil-kabinett bħala ministru hekk kif toħroġ l-aħbar li it-trusts li ħolqu f’New Zealand ma kienux iddikjarawhom għall-finijiet tat-taxxa. Iwaħħlu għal dawn in-nuqqasijiet u għall-għoti ta’ pariri ħżiena f’Brian Tonna. Imbagħad iwiegħdu li jagħlqu l-kumpanniji tal-Panama wara li ssir audit. Madankollu Brian Tonna jibqa’ fil-quċċata tal-lista ta’ dawk li jgawdu minn kuntratti tal-gvern. Dan ukoll tgħidx kemm huwa bniedem tal-affari tiegħu.

Benġluha. Mhux eżattament. Kulħadd, inklużi nies tal-partit tiegħu, jagħfsu fuq Muscat biex jeħles minn dan il-ħmieġ. Uħud jitkellmu apertment u jiktbu pubblikament. Il-kap tal-FIAU u l-kummissarju tal-pulizija jirriżenjaw wara xulxin. Muscat iġib ruħu b’manjiera li ma’ taqbilx mal-istil li jixtieqna nemmnu li jiggverna bih. Jiddeċiedi li jisfida lill-maltemp: il-ħasil tal-flus u tixħim huma tollerati mill-elettorat Malti kemm il-darba r-rota ekooimika tal-pajjiż tkun qed iddur b’pass mgħaġġel. 

Imbagħad jitfaċċaw l-allegazzjonijiet dwar Egrant. Jgħidilna li hu u martu m’għandhom xejn x’jaqsmu magħha. Kawżi kważi mn’alla ġara li ġara. Għax issa jista’ joqgħod jilgħabha tal-vittma flimkien ma’ martu hekk kif jibdew l-attakki minn naħa tal-oppożizzjoni. Barra minn hekk, ma jibqgħux jiffokaw fuq l-imġieba ta’ Mizzi u Schembri u fuq in-nuqqas ta’ responsabbiltà politika tiegħu fil-konfront ta’ din l-imġieba. Jgħidulhom biex iżommu profil baxx. Wasal iż-żmien biex tissejjaħ elezzjoni bikrija u jqabbad lill-avukati tiegħu biex iniedu inkjesta maġisterjali li r-riżultat tagħha jaf minn qabel li se ssammar lill-kritiċi tiegħu. Jinsab ċert li mhux se tinstab prova li hu għandu xi rabta ma’ Egrant. Ali Sadr huwa ħabib intimu ta’ ħabib intimu. Il-makna tal-istat u tal-partit tattakka bla ħniena lill- whistleblowers u lill-ġurnalisti.

Jirbaħ elezzjoni bil-kbir saħansitra qabel il-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant. Mizzi u Schembri jżommu posthom. Ingħataw l-assoluzzjoni mill-imgħallem innifsu u mill-elettorat.

Fil-frattemp tfeġġ l-aħbar dwar l-e-mail li Karl Cini kien bgħat f’Diċembru 2015 dwar “17 Black” li minnha rriżulta li Mizzi u Schembri kienu ttantaw jiftħu kontijiet bankarji sigrieti li fihom kellhom jiġu depożitati mill-inqas 150,000 dollaru amerikan fix-xahar ġejjin mill-Ażerbajġan. Muscat jibqa’ sieket. Jibqa’ ma jikkummentax ħlief biex isemmi s-saltna tad-dritt u l-inkjesti pendenti.

Fl-aħħar tixxandar verżjoni qasira ħafna tar-rapport dwar Egrant u reġa’ beda’ jberraq. Il-kapitlu jingħalaq. Ilkoll jgħidu li ġew eżonerati. Anke Mizzi u Schembri issa huma kunsidrati bħala rġiel onesti li dak l-imherri li kien kap tal-oppożizzjoni kien ipprova jħammighom. Muscat jappella lil dan tal-aħħar biex jirriżenja mill-ħajja pubblika talli akkuża b’mod falz bil-korruzzjoni lill-gvern tiegħu. “Erfa’ r-responsabbiltà politika,” qallu.

F’attentat biex iħares il-kredibilità tiegħu, Adrian Delia jaqa’ fin-nasba. Ma jindenjax ruħu jistenna – imqar sakemm jixxuttaw id-dmugħ fuq wiċċ Joseph Muscat – biex jaqra’ r-rapport sħiħ. Fil-frattemp Michelle Muscat tgħidilna li se tibqa’ b’weġgħa f’qalbha għal ħajjitha kollha mingħajr ma tgħidilna li dak li seħħ ma kienx iseħħ li kieku sentejn ilu żewġha dabbar l-irjus ta’ Mizzi u Schembri.

Ironikament l-aħħar linja tal-verżjoni qasira tar-rapport tgħid li jista’ jkun hemm mitt suspett ta’ korruzzjoni iżda dan ma jammontax għal prova. Daqstant ieħor ikun aħjar jekk mitt ħalliel jinħelsu mingħajr ma jkun ħaqqhom milli jkollok persuna innoċenti misjuba ħatja. 

Fil-qosor dan huwa eżatt dak li qed iseħħ bħalissa.