Qed isejħulhom termini ta’ riferenza għall-medjazzjoni. Jien u naqra din il-frażi ma nafx kif se naqbad napplikaha għall-partit tal-oppożizzjoni f’Malta.

Ejjew nippruvaw insibu tarf ta’ din il-kobba mħabbla.

Adrian Delia talab lil Simon Busuttil jirtira mill-grupp parlamentari inqas minn siegħa wara l-konferenza stampa ta’ Joseph Muscat ta’ nhar il-Ħadd li għadda: dik li kien fiha l-biki lejn tmiemha. Il-konferenza stampa ta’ Adrian Delia saret ftit siegħat wara. Il-qofol tal-kwistjoni, iżda, huwa dak li għamel Adrian Delia meta Simon Busuttil kien quddiemu fl-uffiċċju tiegħu waqt li għajnejn Joseph Muscat kienu għadhom ħomor bil-biki. 

Adrian Delia talab lil Simon Busuttil jirriżenja mill-grupp parlamentari.

Ippruvaw ifhmu sewwa kif ġraw l-affarijiet minn dakinhar ‘l hawn. Adrian Delia ma talabx lil Simon Busuttil igħid tliet Avemarijiet. Ma talbux biex isum għal ftit jiem u biex iwarrab il-ħelu. Qallu li se jkeċċieh mix-Shadow Cabinet u talbu jirriżenja mill-grupp parlamentari għax ma setax ikeċċieh minn hemm kif ġieb u leħaq.

Simon Busuttil irrifjuta. Nerġa’ ntennilkom biex tippruvaw tifhmu sewwa. Simon Busuttil lil Adrian Delia ma qallux li jrid jeħodlu postu. Ma talbux biex jaqbeż għalih u biex jiddefendih. Iżda fakkar lil Adrian Delia li l-Partit Nazzjonalista qatt ma keċċa lil xi ħadd talli wettaq id-dmirijiet tiegħu. 

Inċidentalment il-Partit Nazzjonlaista għandu ftit tat-tort li kien ħasibha wisq biex ikeċċi nies li forsi kien messu lebbithom ‘il barra. John Dalli qatt ma ġie mkeċċi mill-partit. Jew lil Franco Debono li kien irribella fil-grupp parlamentari; jew lil Jeffrey Pullicino Orlando u lil Jesmond Mugliett: ebda wieħed minn dawn ma’ tkeċċa ‘l barra mill-partit.

Allura x’kien il-ħażin li suppost għamel Simon Busuttil li jista’ jiġġustifika t-tkeċċija tiegħu?

Jeħtieġ nifhmu li meta Adrian Delia talab lil Simon Busittil biex jirtira mill-grupp parlamentari, kien qed jipprova jeħles mill-weġgħat u mill-inkonvenjent li jġib miegħu l-proċess li jista’ jwassal għat-tkeċċija tiegħu. Għax kien ikollu jsejjaħ lil Simon Busuttil quddiem il-Kumitat Eżekuttiv tal-partit u kien ikollu jgħaddih minn “ġuri” quddiem il-membri tal-kumitat kollu.

U x’inhuma l-akkużi li għalihom ikun irid ikollu jwieġeb? Talli akkuża lill-prim ministru b’korruzzjoni? Talli seħaq li l-prim ministru għandu jispjega għaliex lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi baqa’ ma dabbrilhomx rashom meta t-tielet kumpannija tal-Panama, li nħolqot fl-istess żmien mal-kumpanniji tagħhom, kellha sid li ismu ma nafuhx? Talli baqa’ jinsisti li għandhom isiru investigazzjonijiet mill-pulizija dwar l-allegazzjonijiet li l-prim ministru kien ixxaħħam?

Li kieku m’għamilx dan kollu, kien ikun naqas mid-dmirijiet tiegħu u forsi hawn il-partit kien ikun ġustifikat li jgħaddih minn proċess ta’ tkeċċija. Iżda se tkeċċieħ talli qeda’ dmiru?

U biex issir ġustizzja fil-proċess ta’ tkeċċija, allura kull min ipprotesta dwar il-korruzzjoni għandu jiġi mgħoddi mill-istess proċess biex Adrian Delia ikun jista’ jitħalla waħdu fil-partit bħala l- persuna li qatt ma kien għamel xejn fil-partit qabel tfaċċa għall-għarrieda minn imkien wara l-aħħar elezzjoni. U allura wkoll dawk il-membri tal-Kunsill Amministrattiv li appoġġjaw lill-Kap u vvutaw kontra Simon Busuttil ikollhom idabbru rashom ukoll.

X’tip ta’ medjazzjoni se jkun hemm?

Jista’ jkun hemm wieħed minn żewġ riżultati.

Adrian Delia jintebaħ li nhar il-Ħadd li għadda kien messu antiċipa li jekk se jibqa’ jinsisti fuq it-tkeċċija ta’ Simon Busuttil, kien se jkaxkar lill-partit fi kriżi politika li l-aħħar darba li għadda minnha kien fiż-żmien meta kien kellhom xi jgħidu bil-kbir Ġorġ Borg Olivier u Herbert Ganado aktar minn ħamsin sena ilu.

Fil-Kumitat Eżekuttiv għandu maġġoranza favurih u fl-aħħar mill-aħħar jista’ jirnexxilu jkeċċi lil Simon Busuttil. Għalkemm għandu jingħad ukoll li ħafna mill-membri ta’ dan il-kumitat jinsabu mogħnijin b’kuxjenza u jistgħu jispiċċaw jisfidaw ir-rieda tal-mexxej.

Wara kollox Simon Busuttil diġa’ ħallas dejnu meta, b’għażla tiegħu stess u minkejja l-ħafna talbiet li kellu biex iżomm postu, rriżenja minn Kap hekk kif tilef l-aħħar elezzjoni.

Il-punt hu li Adrian Delia maż-żmien jista’ forsi jirnexxielu jeħles minn Simon Busuttil iżda dan ikun ifisser li l-partit jispiċċa jsir politikament anqas vijabbli milli hu bħalissa.

U jekk jintebaħ b’dan, lil Adrian Delia forsi ikunu jistgħu jipperswaduh biex idoqq l-irtirata u jwarrab is-sejħa tiegħu biex Simon Busuttil jirriżenja mill-partit.

M’għandnix xi ngħidu, Adrian Delia ma jkunx irid jidher li ċeda. Għaliex b’hekk ikun qed jammetti mal-partitarji tiegħu li m’għandu ebda intuwizzjoni politika u li, anke jekk m’humiex lesti li jaċċettaw li huwa fil-fatt id moħbija tal-Partit Laburista, ikollhom jikkonċedu li qed jipprova jirbaħ tiġrija meta għadu lanqas biss tgħallem jimxi.

Nifhem l-inkwiet ta’ ħafna veterani li qegħdin jibżgħu li l-partit jitfarrak, li jintrema’ l-wirt storku tiegħu u li l-partit iżomm lura mid-dmir morali u kostituzzjonali li jopponi lill-gvern u jżommu responsabbli għal egħmilu.

Iżda n-nies ta’ Adrian Delia jidher li qed jippruvaw iħawdu l-imħuħ bl-iskop li jitgħattew iż-żlealtà kbira li dan wera’, l-inkompetenza inkredibbli tiegħu u n-nuqqas ta’ ħila tiegħu fit-tmexxija ta’ kumitat. aħseb u ara ta’ partit politiku kbir.

Din mhix xi gwerra bejn in-nies ta’ Adrian u dawk ta’ Simon. M’huwiex każ ta’ vapur b’żewġ kaptani għax wieħed minnhom ċertament m’huwiex il-kaptan. Simon Busuttil m’huwiex jaspira li jerġa’ jsir kap tal-PN. Telaq minn din il-kariga minn jeddu wara li refa’ r-responsabbiltà politika hekk kif intilfet l-aħħar elezzjoni. U mhux se jerġa’ jsir kap.

Vapur wieħed hemm. U hemm ukoll kaptan wieħed biss. Il-vapur qed jagħmel l-ilma u jdur qisu żugraga kontra r-riħ. Ta’ dan kollu, l-kaptan biss huwa responsabbli. Ma’ dan il-fatt ma tistax timmedja.