Din l-ġejja ntbagħtitli ftit ilu minn persuna magħrufa minni:
Xi drabi jgħaddi dan il-ħsieb minn moħħi: “x’kien jiġri li kieku s-servers ta’ Mossack Fonseca ma ġewx hacked?”
Immaġinaw ftit.
L-ismijiet 17 Black, Hearnville, Tillgate u Egrant ma kienu jfissru xejn. F’moħħna l-Panama kien jibqa’ biss dak il-pajjiż imbiegħed li xogħlu hu li jaqdi mill-koxxa l-barunijiet tad-droga Messikani u lid-dittaturi mit-tielet dinja. Kien jibqa’ biss pajjiż li ma jqanqal ebda kurżità fid-dinja tat-trolls u tal-boloħ.
Immaġinaw ftit kif il-klikka ta’ Kastilja kienet tkompli ssib l-iskużi għad-diżastri finanzjarji ripetuti u kif kienet tistkenn taħt maskra ta’ onestà fażulla bi tweġiba bħal “u iva, l-affarijiet setgħu saru aħjar”. Għax l-affarijiet seħħew kif seħħew, qed ikollhom iwieġbu b’sensiela ta’ skużi arroganti bħal: “tagħmlulix aktar mistoqsijiet, hemm pendenti inkjesta maġisterjali“, “ma nistax ngħid aktar minħabba sensittività kummerċjali”, “sifirt waħdi fuq żjarat uffiċjali għal raġunijiet li huma kunfidenzjali” u litanija ta’ skużi mimgħudin oħra.
Immaġinaw ftit kif kienet tirreaġixxi b’mod feroċi l-klikka ta’ Kastilja fil-konfront ta’ min kien jażżarda jgħid li kien hemm skop moħbi wara:
– l-iskandlu tal-ħlas ma jmiss ma’ xejn ta’ 4,300,000 ewro lil tal-Cafe Premier personalment awtorizzat minn Muscat;
– l-iskandlu tal-ħlas ta’ 3,600,000 ewro lil Gaffarena fuq il-post fi Strada Zekka li jaqa’ direttament taħt il-ministeru ta’ Muscat;
– l-iskandlu tal-kuntratt tal-Vitals li sewa’ mas-60,000,000 ewro lill pajjiż, iffirmat minn ċertu Konrad Mizzi;
– l-iskandlu tal-bejgħ b’ribass ta’ 90% tal-art pubblika tal-ITS b’telf għall-poplu Malti ta’ 180,000,000 ewro;
– l-iskandlu tal-kuntratt taż-żejt tal-Enemalta negozjat fl-2014 mill-istess Konrad Mizzi u l-korrotti tal-Ażerbajġan li ħalliet lill-poplu Malti b’telf ta’ 14,000,000 ewro;
– l-iskandlu tal-kuntratt dwar il-forniment tal-gass mill-Enemalta li ġie negozjat mill-membri tal-klikka ta’ Kastilja li wassal biex tħallset kummissjoni ta’ 40,000,000 dollaru Amerikan lis-Socar minn fuq dahar il-poplu Malti.
Immaġinaw ftit kif kien ikun ix-xenarju. Ferris għadu sal-lum fl-uffiċċju tal-FIAU jiġri wara l-ħassiela tal-flus maħmuġin. Galdes ma kienx jirriżenja. Cassar ma kienx jirriżenja bħala Kummissarju tal-Pulizija. Il-klikka ta’ Kastilja għadha tinnegozja bil-moħbi mal-ħallelin tal-Pilatus Bank, f’Dubai u fil-British Virgin Islands.
Immaġinaw ftit kemm kienet tkun totalment insinjifikanti l-e-mail mikxufa ta’ Karl Cini li fiha rrefera għall-ħlas ta’ żewġ miljun dollaru fis-sena minn 17 Black lil xi ħadd mhux magħruf. Ma kienx jinkixef il-fatt li jħawwdu f’din il-borma kien hemm Chief of Staff u Ministru fil-kabinett tal-Prim Ministru. Ma konna qatt insiru nafu li dawn kellhom jirċievu 150,000 dollaru Amerikan fix-xahar minn għejjun fl-Ażerbajġan u mis-sidien Asjatiċi ta’ tanker LNG. Hearnville u Tillgate kienu jitpinġew bħala kumpanniji marbutin ma’ negozjanti Russi tal-armi jew ma’ xi sinjurun Asjatiku u mhux ma’ uffiċjali għoljin tal-gvern ta’ Malta.
Immaġinaw ftit. NexiaBT ma kinitx twettaq tindifa sħiħa fl-uffiċċji tagħha għall-għarrieda fis-satra tal-lejl u kieku sal-lum għadha l-aġent tal-Mossack Fonseca. Ali Sadr ma kienx ikollu għalfejn joħroġ bil-moħbi mill-bieb ta’ wara tal-Bank tiegħu b’bagalji mimlija bi ħwejjeġ maħmuġin. Dik it-titjira lejn Baku ma kinitx iseħħ. Il-ħlas immedjat mill-gvern ta’ 1,000,000 ewro bil-quddiem lill-istess linja tal-ajru fuq kuntratt ta’ riklamar ma kienx iħabbel ras anke dawk li huma mill-aktar ċiniċi. Egrant, Buttardi u l-ħlasijiet ta’ “self” bejn kumpanniji mill-BritishVirgin Islands kienu jibqgħu għaddejjin bil-moħbi. Vaganza fid-Dubaj kienet tkun sempliċement vaganza fid-Dubaj.
U fid-dinja tat-trolls u tal-boloħ ħadd ma kien isir jaf, jew iħalli lil min isir jaf, minn fejn kienet ġejja r-riħa tinten.
U Daphne Caruana Galizia kienet tkun għadha mimlija bil-għomor.