Kulħadd huwa akbar mill-partit. L-idea li l-partit huwa akbar minn kulħadd hi waħda li feġġet qabel l-era tal-moderniżmu u għandha tintrema’ jekk irridu lil pajjiżna jsir demokrazija moderna. Għandna wkoll noqgħodu lura milli nimponu l-ipokresija fuq in-nies.
Uħud mill-kbarat tal-imgħoddi tal-Partit Nazzjonalista kien jfakkru lil kulħadd li ‘ħadd m’hu akbar mill-partit’. Niftakar lil Eddie Fenech Adami jgħid dan il-kliem iżda mhux f’kuntest ta’ awtorità biex jiddixxiplina lil xi ħadd. Kien juża dan il-kliem pjuttost biex irażżan lilu nnifsu: ‘minkejja li jien il-mexxej ta’ dan il-partit, m’għandix dritt li nimponi r-rieda tiegħi fuqu’.
Kien hemm prinċipju ieħor li kien iħaddem ta’ spiss Eddie Fenech Adami: “il-persuna umana għandha tkun iċ-ċentru tal-politika tagħna”.
Dan il-prinċipju huwa l-oppost tal-interpretazzjoni stil faxxista u dixxiplinarja tal-idea li ‘ħadd m’hu akbar mill-partit’. Jekk il-persuna umana tkun fiċ-ċentru tal-politika, il-partit ma jista’ qatt ikun iċ-ċentru tal-politika. Il-politika, id-deċiżjonijiet, l-istrateġiji u t-tattiċi għandhom jaqdu l-interess tal-persuna umana u mhux l-interess tal-partit.
Meta l-bieraħ filgħaxija fuq it-TV Adrian Delia stqarr, bħalma stqarr drabi oħra, li n-nies għandhom jobdu għax il-partit huwa akbar minnhom ilkoll u minn kulħadd.
Tajjeb jew ħażin, il-partit l-ewwel.
X’aktarx għaliex ma jiddilettax bil-qari tal-kotba, Delia għamel użu minn kliem politiku użat fiż-żmien meta Khruschev kien irnexxielu jaħtaf il-Politburo.
“Il-partit irid jissaffa” qalilna. Id-dissens għandu jinqered.
L-appell tiegħu b’riżq l-awtorità u l-kobor tal-partit m’hu xejn ħlief appell b’riżq l-awtorità u l-kobor tal-mexxej tiegħu.
Semma’ l-fatt li huwa sar kap bis-saħħa tal-voti tal-membri tal-partit u li hu mportanti li d-deċiżjonijiet li jieħu jiġu obduti għaliex il-partit hu espressjoni tar-rieda tiegħu.
Kull min jokkupa kariga fil-Partit Nazzjonalista, jokkupaha bis-saħħa ta’ elezzjoni. Il-kumitati sezzjonali huma eletti mill-membri tal-partit. id-delegati tal-Kunsill Ġenerali huma magħżula mill-kumitati sezzjonali. Il-kumitati tal-fergħat huma eletti mill-membri tagħhom. L-eżekuttiv huwa elett mill-Kunsill Ġenerali u mill-kumitati tal-fergħat. L-uffiċjali kollha huma eletti mill-kumitat eżekuttiv. Il-kandidati jiġu magħżula mill-kumitat eżekuttiv.
U l-Membri tal-Parlament huma eletti b’vot popolari.
Kulħadd għandu dritt għall-fehma tiegħu u l-fehmiet kollha jirrappreżentaw lill-eletturi. Il-fehma ta’ uffiċjal wieħed ma tiswiex aktar minn ta’ uffiċjal ieħor. Għalhekk qegħdin il-voti.
Din hi r-raġuni għala Adrian Delia – l-uniku membru tal-Grupp Parlamentari li m’akkwista ebda vot – qed jirrifjuta li jlaqqa’ dak il-grupp għax qed jibża li ma jkunx f’pożizzjoni li jimponi r-rieda tiegħu fuq il-kotra.
Minkejja li jgħid li ħadd m’hu akbar mill-partit, qed jirrifjuta li jlaqqa’ l-organi tal-partit biex jittieħdu dawk id-deċiżjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu u qed imexxi skond kif ifettillu qisu xi re b’setgħa assoluta li jippretendi li r-rieda tiegħu hi r-rieda tal-partit.
Dan m’huwiex l-iskop wara l-partiti politiċi. Naqbel mad-dixxiplina u mal-ġbid tal-istess ħabel. Naqbel li aħjar ikun hemm l-għaqda. U din il-ġimgħa stess jidhirli li setgħet issir xi ħaġa b’riżq l-għaqda fil-partit.
Il-Ħadd li għadda wara nofsinhar mexxej tal-PN li hu f’sensieħ — mhux wieħed li jaqa’ f’paniku jew, agħar, li għandu lejaltajiet perversi — kien isejjaħ konferenza stampa u lil Joseph Muscat kien igħidlu eżatt fejn għandu jdaħħal il-parir dwar x’għandu jagħmel b’Simon Busuttil. Lil Joseph Muscat kien igħidlu biex ma jindaħalx fejn ma jesgħux u li jmissu jdabbar l-irjus ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri minħabba l-korruzzjoni. Kien igħidlu wkoll li l-PN jassumi hu r-responsabbiltà dwar il-mod kif jirreaġixxi għall-korruzzjoni fil-gvern.
Il-bieraħ mexxej tal-PN f’sensieħ kien isejjaħ il-membri parlamentari wieħed wieħed u b’riżq id-dixxiplina fil-partit kien jitlobhom ilkoll ixandru r-rapport tal-FIAU u ma kienx iħalli lil David Casa jiffaċċja waħdu r-riskju li jiġi arrestat u mitfuħ il-ħabs. Il-partit għalhekk qiegħed hemm. Mexxej tal-PN lill-membri parlamentari kien igħidilhom: ‘Niġi naqa’ u nqum jekk qegħdin tibżgħu; jistgħu jaħsbu li lil David Casa jistgħu jarrestawh jekk ikun waħdu, iżda hu ħafna aktar diffiċli li jarrestaw lill-Oppożizzjoni kollha’.
Dak ikun il-mument li fih partit ikun jista’ juri l-kobor tiegħu. Mhux għax huwa akbar minn xi ħadd iżda għaliex kulħadd isir akbar. Il-partit qiegħed hemm biex jaqdi lill-politika, u mhux il-politika taqdi lill-partit … jew il-mexxej.