Sitt ijiem wara li ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia meta eluf ta’ nies kienu daħlu l-Belt Valletta biex jiddimostraw, għadda minn moħħ ħafna minnhom dan il-ħsieb. ‘Nixtieq ma ħallejthiex weħidha. Nixtieq li emmintha meta kont qed naħseb li qed tesaġera. Issa li qatluha b’dan il-mod, naf li ma setgħetx kienet qegħda tesaġera. Nittama li xogħolha ma jiqafx hawn u jitkompla minn ħaddieħor. X’aktarx kienet taf x’kien hemm lest għaliha u kompliet għaddejja minkejja kollox.’
Uħud minn dawk l-eluf ħasbu li kienu qegħdin jitgħallmu lezzjoni għall-ħajja. Ħasbu li issa setgħu jaraw ċar biex b’hekk ikunu jistgħu jgħelbu t-tattiċi diviżivi tal-gvern. Ħassew bħallikieku t-tajn li kien qed igħattilhom lil għajnejhom issa tnaddaf u setgħu jaraw ċar ir-rabtiet li hemm bejn il-politika u l-kriminalità.
Madankollu malajr reġgħu marru lura għal li kienu, bdew jirrepetu il-litaniji ta’ ħaddieħor dwar “provi” u għażlu li jistennew li jintebaħ ħaddieħor qabel jammettu dik li fil-fatt dejjem kienet realtà.
U issa, inqas minn sena wara, għadda żmien biżżejjed biex jintnesew it-tagħlimiet.
Aħsbu ftit. Dalgħodu t-Times of Malta qalet li għalkemm l-inkjesta Egrant eżonerat lil Joseph u Michelle Muscat, jeżistu raġunijiet għat-teħid ta’ azzjoni kriminali kontra “oħrajn”. Hekk hu. L-inkjesta tikkonferma li l-kumpanniji ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi kienu inħolqu flimkien mal-Egrant. U tikkonferma wkoll li Karl Cini għamel kuntatt ma’ banek madwar id-dinja biex jiftaħ kontijiet bankarji għalihom u dwar kif raw kif għamlu biex igħattu kollox. Madankollu t-Times of Malta ma qalitx li aktarx se jittieħdu passi kontrihom.
Aħsbu ftit ieħor. Maġistrat joħroġ rapport ta’ nkjesta u, kif inhu dmiru, jgħaddih lill-avukat ġenerali. X’jagħmel imbagħad l-avukat ġenerali? Jgħaddih lill-persuna li dwar l-egħmil tagħha saret l-inkjesta u jirrifjuta li jgħaddih lil ħaddieħor. It-Times of Malta issa qed tgħidlina li dak li saret l-inkjesta dwaru qed ilesti biex ixandar ir-rapport b’partijiet minnu ċċensurati.
F’liema parti tad-dinja issib li min ikun għadda nkjesta minħabba egħmilu jispiċċa jiddeċiedi hu x’jixxandar u x’jiġi ċensurat? Kif nistgħu nibqgħu rasna mistrieħa fuq dan? Ftakru li dawn in-nies lanqas biss stajna nafdawhom b’ċensura ta’ partijiet minn kuntratt dwar l-enerġija. Meta mbagħad ixxandret il-verżjoni sħiħa tal-kuntratt baxx baxx, sirna nafu – kif konna bsarna – li kienu ċċensuraw il-korruzzjoni u l-frott qares tagħha.
Issa l-prim minstru qed iħejji biex jivvendika ruħu u l-intimidazzjoni saret parti mill-politika uffiċjali tal-gvern.
Imbagħad tisma’ lil min igħid li din hi ħaġa li tistenniha. Wara kollox, kienu ‘weġġgħu is-sentimenti ta’ uliedu għal għomorhom’. Dan fil-fatt m’huwiex korrett għax kien Joseph Muscat stess li weġġa’ s-sentimenti ta’ uliedu għal għomorhom. Ħadd daqsu ma tana x’nifhmu li hu sid l-Egrant. Konna sirna nafu b’din il-kumpannija, flimkien ma’ dawk ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri, minn sena qabel ma bdew l-allegazzjonijiet li hu sidha. Li kieku dak iż-żmien dabbrilhom rashom, kif stennew bosta, ħadd ma kien jitlagħlu suspett f’moħħu li kien hemm xi rabta.
Minflok, tahom il-kenn u għadu jagħtihom il-kenn sal-lum.
Il-prim ministru għandu raġun iħossu b’saħħtu ħafna bħalissa. M’għadux jemmen li s-setgħa f’demokrazija hi mislufa u dan dment li tintuża biex isir dak li hu sewwa. Jista’ jkun ukoll li qatt ma ħabbel rasu dwar dawn il-pettegolezzi.
Is-setgħa li għandu m’hix ġejja mir-riżultat tal-inkjesta tal-maġistrat jew mill-interpretazzjoni li qed jagħtiha. Is-setgħa tiegħu ġejja mill-fatt li għad hemm bosta li, għax jaħsbu li dan kollu ma jikkonċernahomx, jippreferu joqgħodu gallarija u jsegwu l-ispettaklu mill-bogħod.
Bosta huma t-tfal li se jweġġgħu minħabba din il-kwistjoni. Il-ġenerazzjonijiet li telgħin għad jintebħu li l-istorja tal-Egrant kienet biss skuża, bħal meta ngħata n-nar lir-Reichstag, biex jinfetħu l-bibien beraħ għal oppressjoni li l-pajjiż għadu qatt ma ra.
Forsi mhux se jkun meħtieġ li xi wħud jitilfu ħajjithom bħal Daphne Caruana Galizia. Iżda dawk li lesti jiffaċċjaw il-maltemp se jħossu s-solitudni u l-biża’ li kienet tħoss hi.
Għaliex, wara kollox, l-eroj m’humiex allat.