Wasalna għall-kapitlu tan-nofs.

Dawk kollha li jirrispettaw il-prinċipji tas-sewwa u li ħarġu għonqhom biex jirreżistu lil Joseph Muscat u lill-qaddejja tiegħu bħalissa qiegħdin igħixu taħt sħaba sewda.

U n-numru ta’ dawn il-qaddejja huwa mdaqqas. Aktar milli wieħed jasal biex jimmaġina.

Ibda’ b’Michelle Muscat li, bis-saħħa ta’ stqarrijiet uffiċjali tal-gvern u ta’ intervisti kontrollati, ngħaqdet mal-bqija tad-dinja f’lamentazzjoni tad-destin kiefer tagħha. Donnha li għadha kemm skopriet li mhux kulħadd għandu grazzja ma’ żewġha l-prim ministru.

Mhux bi ħsiebni noqgħod nikkummenta dwar l-intervista li din tat lill-Malta Today. Dak li ġie rappurtat jitkellem waħdu u jwassal stampa ta’ mara mogħnija b’megalomaniji u fissazzjonjiet liema bħalhom li kważi jgiegħluk tistħi minflokha.

Din qalet li meta mietet Daphne Caruana Galizia kien iddispjaċiha aktar milli kien iddispjaċihom uliedha. F’moħħha rraġunat li l-mewt ta’ Daphne ċaħditha minn vendetta u tkellmet qisha John Dalli, li kien qal li għandu ndiema li ma kien qatilha hu qabel ħaddieħor ġietu l-idea li joqtolha.

Ċanfret ukoll il-mexxejja tal-iskola fejn jattendu wliedha talli, skont hi, dawn ma ħarsuhomx biżżejjed.

Tabilħaqq kif setgħu jħarsuhom? Billi jirrappurtawhom lill-pulizija – kif kien dmirhom – kull darba li kien jfallu l-iskola biex ikun jistgħu jiltaqgħu ma’ xi ras kbira band’oħra? Billi jinsistu li ommhom ma tibqax tidħol fl-iskola b’ħafna arja ta’ “arani u la tmissnix” akkumpanjata mill-aġenti tas-sigurtà?

Imbagħad l-għaref l-ieħor Saviour Balzan li kiteb dwar l-Egrant b’arja ta’ trijonfaliżmu. Ma’ dan ukoll, inqas ma jingħad aħjar. L-egħmil tiegħu jixhed il-karattru li għandu. 

Dan kien ġie redikolat meta l-famuż skandlu taż-żejt sfuma fix-xejn. Ta’ min ifakkar li kien hu li talab lil Joseph Muscat jirriżenja meta, wara l -elezzjoni tal-2013, inkjesta presjeduta minn sħabu Edward Zammit Lewis u Owen Bonnici kkonkludiet li f’dik il-kwistjoni ma kien imdaħħal ebda politiku. U meta Joseph Muscat kien għamel tiegħu l-akkużi ta’ Saviour Balzan kontra Tonio Fenech u Austin Gatt, ħadd ma kien sfidah biex jirriżenja.

Jitbissem u jidħak hu u jitfa’ ġebla wara oħra fuq saqajh, hemm ukoll Adrian Delia li bħal donnu qed jistenna’ li kapaċi jiżgiċċa minn sitwazzjonijiet politikament imbarazzanti bl-istess mod li jiżgiċċa minnhom l-imgħallem tiegħu ta’ Kastilja. Mill-ewwel ġurnata li ħa r-riedni f’idejh, Adrian Delia baqa’ ma fehemx min suppost għadu jkun l-avversarju politiku tiegħu. Adrian Delia dejjem ħaseb li lil Joseph Muscat m’hemmx għalfejn li wieħed imerih jew jikkonfrontah. Dak kien il-mod l-antik. Issa wara sena, jrid isallab lil Simon Busuttil permezz tal-Mod Ġdid u sab skuża bl-Egrant.

Cyrus Engerer qalilna li Maria Efimova għandha tiġi estradita. Tafu għaliex? Għaliex l-inkjesta Egrant ikkonkludiet li ma kienx hemm biżżejjed provi li jorbtu lill-prim ministru ma’ kumpannija sigrieta fil-Panama. Cyrus Engerer ma jifhimx kif taħdem l-estradizzjoni. Dan mingħalih li dawk li jixhdu kontra l-prim ministru għandhom jinħatfu u jiġu mġiegħla jiġu hawn. Forsi biex joqgħodu jaraw lil Cyrus Engerer jiżfen?

Dawn huma in-nies huma biss il-qaddejja wżati mill-prim ministru waqt li hu joqgħod gallarija. Il-moħħ m’hu ħadd ħlief Keith Schembri, il-prinċep tad-dlamijiet.

Araw naqra x’inhu għaddej: ir-rapport tal-inkjesta tal-Egrant qed jixxandar biċċa biċċa; tmexxija dilettanteska tal-partit fl-oppożizzjoni; il-vanità bla rażan ta’ mart il-prim ministru. Fuq kollox, innutaw it-theddid: it-tneħħija tas-sigurtà għal Simon Busuttil u t-tama li dak li ġarrbet Daphne Caruana Galizia se jikkundizzjona l-ħeġġa tiegħu; żfin fuq il-qabar ta’ Daphne Caruana Galizia bil-għan li jissiket lil min jitħajjar jimitaha; theddid bil-ħabs lil David Casa u lill-għejjun tiegħu bil-għan li jbeżżgħu.

M’għandniex xi ngħidu, dan kollu qed jikkaġuna l-ħsara. L-istituzzjonijiet tal-istat issa saru ħaġa waħda mal-poter u mas-setgħa li għandu Joseph Muscat. Waslet l-awtokrazija. Madankollu, kull bidu għandu tmiemu u din l-għamla ta’ tmexxija iġġorr magħha żerriegħa li twassal għat-tmiemha stess. Tmexxija li twelled il-qerda tagħha stess.

Id-demokrazija li lkoll ħsibna li konna ksibna, speċjalment wara t-transizzjoni paċifika tal-1987 u wara d-dħul fl-Unjoni Ewropea, ma rnexxilhiex trażżan it-tendenzi awtokratiċi tal-Partit Laburista.

Iridu jgħaddu s-snin biex inkunu nistgħu naċċettaw dan il-falliment u biex nitgħallmu minnu. Għax għad hemm numru kbir ta’ segwaċi ta’ Joseph Muscat li, eżatt bħal dawk li għadhom sal-lum jixgħalu x-xemgħat lil Dom Mintoff u lil Lorry Sant, se jibqgħu jikkunsidraw dawn is-snin bħala snin tad-deheb minkejja l-ħmieġ u l-intejjen li ninsabu mdawrin bihom.

Il-ħsara li qed issir lill-Partit Nazzjonalista m’hix kbira daqs il-ħsara li qed issir lid-demokrazija u l-libertà. Aħsbu naqra x’se jfisser għalina li jkollna lil Adrian Delia bħala ministru dell għall-governanza tajba.

Taħsbu li se jkun hemm xi mpjegat mal-gvern, xi pulizija, xi investigatur li għandu l-provi dwar ħmieġ li se jmur jikxef kollox mal-ministru dell tal-PN għall-governanza tajba?

Għiduli naqra x’se jgħaddi minn moħħ l-għejjun kollha imbeżżgħin hekk kif jaraw lil Maria Efimova mmaqdra fuq it-televiżjoni tal-PN u lil Jonathan Ferris mhedded mill-FIAU li jinqafel il-ħabs fi stqarrija għall-istampa li malajr qabel magħha u appoġġjaha il-kap tal-PN.

Ftakru ftit dwar it-tmexxija ħażina, il-korruzzjoni, it-tixħim, offerti maħdumin minn qabel, l-impjiegi għall-bażużli, il-permessi li ma messhomx inħarġu: aħsbu ftit kif issa qed igħadduha lixxa f’kollox.

Dan huwa r-riżultat tal-konklużjonijiet tar-rapport dwar Egrant: Joseph Muscat irranġa biex jirċievi assoluzzjoni bla tarf għalih u għall-gvern tiegħu kollu għat-taħwid u għall-korruzzjoni kollha li twettqet sakemm inħareġ ir-rapport. Mhux hekk biss: għandu amnestija f’idu għal dak kollu li għad iridu jagħmlu, msaħħa bil-barka ta’ Adrian Delia li waħdu żarma lill-oppożizzjoni mill-kapaċità li kellha li ssus wara l-gvern u tikxef dak kollu li jipprova jaħbi.

Dan huwa l-kapitlu tan-nofs. L-istorja mhux hekk se tintemm. Maħkumin kif inhuma f’sakra tal-poter u mwennsin mill-appoġġ tal-fanatiċi u minn dawk il-lagħqa kollha li jammiraw lill-kriminali li jirnexxielhom jgħadduha lixxa, u msaħħa mill-fatt li l-avversarju ċeda l-armi, qed iħossu li ma jista’ għalihom ħadd.

Forsi għandhom raġun jaħsbu hekk. Iżda din l-istorja taf tispiċċa fi triq fejn ħadd m’hu jobsor li se tmur.