Ta’ min jinnota li l-MFSP, kumpannija tal-investment management li ħadet ħsieb id-depożiti ta’ flejjes kbar mingħand Keith Schembri mingħajr ma għarblet sew il-flus minn fejn kienu ġejjin, issa jidher li qed tfittex il-kenn f’każ li tinħareġ ordni li ġġiegħlha tagħlaq.
Il-FIAU, l-aġenzija li xogħolha hu li tgħasses kontra l-ħasil tal-flus, diġà mmultat lill-MFSP iżda huwa sinjifikanti li naqset li timmulta lill-klijenti tagħha.
Ftit ġimgħat ilu, tal-MFSP ġew ordnati jħallsu l-multa ta’ €38,750 mill-FIAU talli kisru l-liġijiet dwar il-ħasil tal-flus. Iżda dan mhux kollox. Il-FIAU ukoll irċeviet mingħand klienti tal-MFSP ruxxmata lmenti li kienu intilfu l-flus minħabba n-negliġenza tal-MFSP.
Bil-għan li jserrħu rashom li jkollhom il-kenn kemm il-darba jiġu mġiegħlin jagħlqu n-negozju fl-investimenti, Matthew Pace u Lorraine Falzon – id-diretturi tal-MFSP li għad fadal – ħolqu kumpannija tal-assikurazzjoni fuq il-ħajja taħt l-isem Zenith Life Limited, flimkien ma’ William van Buren biex jittieħed in-negozju tal-life insurance mingħand MFSP Financial Management Limited.
Dan jista’ iservi biex, kemm il-darba tal-MFSP ikollhom jagħlqu n-negozju tal-investment income, in-negozju tal-life insurance ikun jista’ jibqa’ għaddej.
Ta’ min jinnota li MFSP Financial Management Limited diġa’ għandha liċenzja ta’ operatur tal-life insurance – dan juri li l-iskop tal-istess sidien wara l-ħolqien tal-kumpannija l-ġdida tal-life insurance hu li x-xogħol tal-operatur jispiċċa jiġi mgħoddi lill-kumpannija l-ġdida.
Matthew Pace kien kisirha minn ma’ dawk li kienu sħabu tal-MFSP wara li saru klijenti tal-kumpannija Keith Schembri u Laburisti oħra tal-klikka bħalma huma Deo Scerri, issa CEO tal-Bank of Valletta, it-trio tal-Panama Brian Tonna, Adrian Hillman u s-sieħeb fin-negozju ta’ Keith Schembri, Malcolm Scerri u oħrajn bħal Robert Musumeci.
Dawn id-depożiti ta’ flejjes lil tal-MFSP ġabuhom f’inkwiet kbir minħabba l-mod superfiċjali u leġġer li bih applikaw il-liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus, partikolarment fil-każ tad-depożiti ta’ Keith Schembri.
Keith Schembri kien tħallas flejjes kbar ammontanti għal madwar $400,000 ħames ġimgħat wara li ltaqa’ mal-president tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev, bniedem magħruf għall-korruzzjoni tiegħu.
Dawn il-flejjes flimkien ma’ oħrajn ġejjin minn kontijiet sigrieti fil-British Virgin Islands kienu ġew depożitati f’client account tal-Bank of Valletta f’isem il-MFSP għal Keith Schembri.