Jaqueline Alexander, li l-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar min hu sid l-Egrant Inc. serrħet fuq dak li qalet meta din ċaħdet li dokumenti li jindikaw lil Michelle Muscat bħala sid kumpannija sigrieta fil-Panama, fl-2015 kienet iffirmat prokura favur raġel li dak iż-żmien kien diġà ilu mejjet għal kważi sentejn.

Din l-istorja nkixfet mill-Panama Papers u tittratta dwar sinjurun Brażiljan Henri Maksoud li kien miet fl-2014 tal-età ta’ 85 sena iżda li fl-2015 fil-files ta’ Mossack Fonseca huwa indikat bħala bniedem li kien għadu ħaj. Mossack Fonseca kienet irreġistrat fil-Panama l-kumpannija Rasway Corp, li tagħha Jaqueline Alexander kienet direttur, għal Henri Maksoud.

Meta miet, Henri Maksoud huwa mifhum li ħalla lill-werrieta tiegħu ġid li ammonta għal madwar €115 il-miljun.

Madankollu Henri Maksoud ħalla waraħ djun kbar li naqqsu l-valur tal-ġid li kien ħalla li ż-żewġ uliedu  — Roberto and Claudio — lit-tieni mara tiegħu u lil neputih.

Rasway Corp kienet inħolqot fil-Panama minn Mossack Fonseca. Isem sidha ma jidhirx fid-dokumenti tal-kumpannija għax din tgħajjat lil persuna li fil-pussess tagħha għandha ċ-ċertifikat tal-ishma. Iżda biex ikun jista’ jmexxi kumpannija, sidha jkun jeħtieġ prokura ffirmata mid-direttur ta’ Mossack Fonseca li jmexxi l-kumpannija għan-nom tiegħu.

L-ewwel prokura li ħarġu Mossack Fonseca biex tkun tista’ jitmexxew Rasway u l-ġid tagħha kien fl-2007 u kienet valida għal tliet snin. Fl-2010 din il-prokura iġġeddet għal ħames snin oħra. Meta l-prokura skadiet fil-11 ta’ Settembru 2015, Maksoud kien diġà mejjet.

Madankollu fil-11 ta’ Settembru 2015 Jacqueline Alexander tat prokura lil persuna mejta biex dan imexxi kumpannija, biex jitkellem mal-banek u mal-kredituri, biex jinnegozja l-ġid tal-kumpannija  u biex ikompli jgħaddi biż-żmien lil kull min jinnegozja mal-kumpannija bħallikieku kien għadu ħaj.

L-inkjesta ta’ Aaron Bugeja wieżnet il-kredibilità ta’ Jaqueline Alexander ma’ dokumenti li allegatament kellhom il-firma tagħha u li allegatament indikaw lil Michelle Muscat bħala sid kumpannija sigrieta fil-Panama maħluqa minn Mossack Fonseca. Il-konklużjonijiet tal-inkjesta serrħu fuq il-kredibilità ta’ Jaqueline Alexander.

L-istorja ta’ Henri Maksoud u dwar kif Jaqueline Alexander kienet irxuxtatu mill-mewt ġiet investigata mill-ġurnalisti Fernando Rodrigues, André Shalders, Mateus Netzel u Douglas Pereira (mill- web content service Brażiljan UOL ), Diego Vega u Mauro Tagliaferri (minn Rede TV! ta’ Sao Paulo) u minn José Roberto de Toledo, Daniel Bramatti, Rodrigo Burgarelli, Guilherme Jardim Duarte u Isabela Bonfim (mill-ġurnal Braziljan O Estado de S. Paulo).