Sena u nofs ilu lil Jonathan Ferris dabbrulu rasu. Niftakru li Edward Scicluna, qabel lissen il-famużi kliem ‘u ejja come on’, kien qal lill-ġurnalisti li wieħed għandu jistaqsi jekk ir-rapporti tal- FIAU dwar il-Pilatus Bank ‘kinux inkitbu biex imbagħad jixxandru baxx baxx’.
Inqas minn ġimgħa wara li ntqal dan id-diskors lil Jonathan Ferris u Charles Cronin dabbrulhom rashom. Lil Charles Cronin ma smajniex aktar dwaru. Iżda f’Jonathan Ferris sabu bniedem sod daqs l-azzar li sena wara għadu qed jinsisti li ssir il-ġustizzja miegħu.
Wara li Jonathan Ferris u Charles Cronin kienu tkeċċew, l-investigazzjonijiet li saru dwar is-sid tal-Pilatus Bank mill-FBI tal-Istati Uniti u dawk li saru mill-European Banking Authority dwar l-operat tal-FIAU bħala regolatur, spiċċaw biex taw raġun lill-investigaturi mkeċċija.
Edward Scicluna qatt ma ammetta li ndħal direttament mal-FIAU biex jitkeċċew l-investigaturi. Madankollu ma hemm ebda dubju li d-diskors li qal fil-pubbliku fis-sens li r-rapporti kienu “nkitbu biex imbagħad jixxandru baxx baxx” servew biex qiegħdu lill-FIAU taħt pressjoni biex jeħilsu minnhom.
Meta tinkiteb l-istorja dwar dawn l-aħħar tliet snin u meta l-istorja tiġġudika lil Edward Scicluna, ma jista’ qatt jiġi ġustifikat il-kompromess li spiċċa għamel mal-kuxjenza tiegħu meta baqa’ f’postu bl-iskuża li sħabu għamlu affarjiet ħafna agħar milli għamel hu. Edward Scicluna għamel użu mill-influwenza politika tiegħu biex jikkundizzjona l-azzjonijiet ta’ regolatur indipendenti li għandu r-responsabbiltà li jħares lill-Unjoni Ewropea minn dawk il-banek li jużaw is-sistema finanzjarja bħala forċina b’riżq il-kriminalità. U kienet dik l-influwenza li serviet biex tgħattew azzjonijiet kriminali u biex iddgħajjfu l-istituzzjonijiet li għandhom ir-responsabbiltà li jgħassu kontra dawn l-azzjonijiet.
‘U ejja come on,’ irriżenja Edward Scicluna.