Ftit li xejn wieħed jista’ jara minn dak li jkun qed jiġri bejn l-erba’ ħitan tal-Partit Laburista. Iżda minn żmien għall-ieħor jidhru xi sinjali ta’ tmewwiġ. Bħalissa rjus kbar fil-Partit qegħdin jitkarrbu ma’ Joseph Muscat biex jibqa’ mexxej tal-partit u prim ministru. Wieħed minn dawn il-karraba huwa Alfred Sant.
Joseph Muscat jeħtieġ li jsib skuża biex jibqa’ jmexxi lill-partit. Din hi r-raġuni wara dawn it-teatrini: jrid jidher bħallikieku, kontra qalbu, aċċetta li jwettaq sejħa doveruża. Il-verità hi li dak li kellu f’moħħu sarlu suf. M’għandux ċans li jakkwista kariga fl-Unjoni Ewropea. Saħansitra anki fil-laqgħa tas-Soċjalisti Ewropej fil-Portugall, Joseph Muscat intebaħ li kull fejn imur dejjem ser isib mara biex tfakkru li ma jafx jistħi. F’dik is-sala f’Lisbona kien kemm Ana Gomes li għajjtet “Vergonha”. “Tal-mistħija” bil-Portugiż.
Joseph Muscat għamel tabirruħu li ma semagħhiex. Forsi jista’ jikkonsla mill-fatt li ma tantx hemm nisa li, qalb sala mimlija nies, ikunu lesti li jikkonfrontawh. Iżda huwa jaf li dejjem ser ikun hemm waħda li jkollha l-kuraġġ li tagħmel dan. Bħalissa qed iħoss li ma fadallux għażla ħlief li jibqa’ f’postu f’Kastilja. Ser jibqa’ jiġi bżonn il-gwardji tas-sigurtà biex ma jkunx hemm xi ġurnalista gustuż bħal John Sweeney joqgħod idejjqu bil-mistoqsijiet. Ser jibqa’ jiġi bżonn lill-pensjonanti Beltin taħt il-kmand tal-logutenent-ġenerali Ray Azzopardi biex joqgħodu jgħajjru lill-protestanti f’Misraħ l-Assedju l-Kbir. Ser ikun bżonn Lawrence Cutajar biex joqgħod jitħaddet fuq investigazzjonijiet dwar ħaddieħor li ma jispiċċaw. Ser jiġi bżonn Carmelo Abela biex lill-attivisti li jaħdmu ma’ NGO’s internazzjonali joqgħod igħajjarhom assholes talli dawn ażżardaw jiddubitawh. U ser ikollu joqgħod jistenna sakemm jintemm il-maltemp. Kien dejjem xortih tajba u jistenna li x-xorti tidħaklu din id-darba wkoll.
Fil-frattemp, illum qrajna li Chris Fearne keċċa lil Neville Gafà. Minkejja l-fatt li din it-tkeċċija għandha mis-sens komun, l-azzjoni ta’ Chris Fearne nibbtet sensiela ta’ mistoqsijiet. Neville Gafà għadu uffiċjal pubbliku jew issa jinsab bla xogħol? Il-Pulizija u s-servizzi sigrieti talbuh jispjega dwar ir-relazzjoni li jidher li għandu ma’ gwerrier u kuntrabandist Libjan? Inbdiet xi inkjesta pubblika dwar dak li kien qed jagħmel Neville Gafà waqt li kien fl-impjieg mal-gvern?
Bl-azzjoni li ħa, Chris Fearne kemm hu preparat li jżomm id-distanza mill-ħmieġ u l-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat?