Rob Porter with Donald Trump. Picture: Reuters.

F’dik li hi kontabilità pubblika, l-White House ta’ Donald Trump żgur m’hix xi waħda li tagħti l-eżempju tajjeb li wieħed jistenna.

Insejtuh dan l-episodju li seħħ sena ilu? Huwa biss wieħed fost ħafna.

David Sorensen kien irriżenja mill-kariga tiegħu fil-White House bħala kittieb tad-diskorsi wara li martu allegat li kien isawwatha fiżikament u jabbużaha emozzjonalment. Dawn l-allegazzjonijiet feġġew jiem biss wara li Rob Porter, li wkoll kien jaħdem fil-White House, irriżenja minħabba l-allegazzjonijiet ta’ swat li għamlu fil-konfront tiegħu iż-żewġ nisa li kellu.

Kemm David Sorensen kif ukoll Rob Porter ċaħdu l-akkużi bil-qawwa. Fi stqarrija li għamel u hu jitfa’ r-riżenja, Sorensen qal li “tul ħajtu huwa qatt ma refa’ jdejh kontra xi mara” u li kien fil-fatt hu kien ġie abbużat fiżikament.

David Sorensen. Picture: Fox.

F’dan ir-rapport imxandar mill-BBC,  huwa ġie kwotat li qal li kien ser jieħu passi legali iżda mbagħad naqas li jagħmel dan għax “ma riedx igħabbi lill-White House bil-problemi tiegħu”.

Wara li feġġew l-allegazzjonijiet dwarhom, David Sorensen u Rob Porter irriżenjaw mill-karigi tagħhom fi żmien 48 siegħa. L-istejjer ixxandru bħala parti minn rapport tal-istazzjon Amerikan CBS li permezz tiegħu inkixef il-kontenut ta’ komunikati nterni tal-White House li saru bejn Rob Porter u wieħed mill-avukati tal-White House dwar “il-gideb” li n-nisa li kellu kienu qed ixerrdu dwaru.

Inqalgħet ukoll kontroversja f’Washington minħabba l-fatt li John Kelly, li kien iċ-chief of staff ta’ Donald Trump u l-imgħallem ta’ Sorensen u ta’ Porter, jidher li kien jaf għal tul ta’ żmien b’dawn l-allegazzjonijiet. Dawn l-allegazzjonijiet kienu feġġew hekk kif l-investigaturi bdew igħarblu lil dawn l-uffiċjali qabel dawn ingħata is-“security clearance” għad-dħul fiol-White House.

Dan is-“security clearance” fil-fatt kien inżamm għal xi żmien wara li n-nisa li kellhom David Sorensen u Rob Porter lill-investigaturi qalulhom li fl-imgħoddi kienu vittmi tal-vjolenza domestika.

John Kelly, Porter qallu li l-eks-nisa tiegħu kienu qed jigdbu dwaru.

Kien ġie rappurtat ukoll li John Kelly offra li jirriżenja għaliex kien dam iżżejjed biex dabbrihom rashom. Din l-istorja Kelly ċaħadha.

Kelliem għall-White House serraħ ras il-pubbliku li l-President tal-Istati Uniti “ma kienx jaf b’dawn l-istejjer dwar David Sorensen u Rob Porter u li kien imnikket minħabba l-akkużi li kienu saru”.

Ftit sigħat biss wara li xxandret l-aħbar, il-White House ta’ Donald Trump aċċettat ir-riżenja ta’ David Sorensen. Madankollu Trump ma kkritikax pubblikament lil min allegatament abbuża.

Il-BBC xandar dan ir-rapport: Mill-Oval Office, Trump qal: “Sirna nafu b’dawn l-istejjer dan l-aħħar u għalija kienet sorpriża. Iżda ċertament nixtieqlu kull ġid għaliex jinsab għaddej minn burraxka.”

Lil min għamel l-akkużi, Trump ma semmihomx.

Fost id-Demokratiċi, kien hemm min ikkritika l-kummenti ta’ Trump: dak li kien il-Viċi-President Joe Biden qal li Trump ipprova jċekken l-akkużi fil-konfront ta’ Porter. “Bħallikieku qal: ‘il-qattiel bil-mazza f’idejh, tgħidx kemm huwa artist tajjeb”, qal Biden.

Nixtieq niġbed l-attenzjoni għal numru ta’ fatti:

  1. Ir-riżenji segwew ix-xandir tal-allegazzjonijiet, liema allegazzjonijiet ġew miċħuda mill-akkużati u li ma kinux taħt il-lenti ta’ proċess ġudizzjarju.
  2. Ma kien sar ebda rapport lill-pulizija f’wieħed mill-każijiet.
  3. L-allegazzjonijiet kienu dwar inċidenti li seħħew fl-imgħoddi.
  4. Ir-riżenji ma seħħewx minħabba xi preżunzjoni ta’ ħtija: l-imgħallem wera’ solidarjeta’ magħhom minħabba l-“burraxka” li kienu għaddejjin minnha.
  5. Hu u jiċħad dak li kien qed jiġi akkużat bih, wieħed minn dawk li rriżenjaw qal li ma setax iħalli l-problemi personali tiegħu jeffettwaw ħażin lil dmirijietu ta’ fuq ix-xogħol.
  6. L-istampa u l-klassi politika skandalizzaw ruħħom għall-fatt li r-riżenji kienu damu biex seħħew u kienu seħħew biss hekk kif il-pubbliku sar jaf bihom permezz tal-ġurnaliżmu.