Il-konsegwenzi koroħ tas-sentenza tal-bieraħ tal-Imħallef Giovanni Grixti se jibqgħu jidwu.

Araw il-mod li bih ikkonkluda li Panama Papers u d-dokumenti li nkixfu mis-servers ta’ Mossack Fonseca huma “hack” u li allura inkjesta ma tistax tissejjes fuqhom.

Bil-kejl tal-Imħallef Giovanni Grixti, l-Imħallfin u l-prosekuturi minn madwar id-dinja issa jkollhom jarmu l-baħar sensiela ta’ kundanni li diġà ngħataw jew qegħdin biex jingħataw wara l-konklużjonijiet ta’ inkjesti imsejsa fuq il-Panama Papers.

Mill-ġdid, din m’hix kwistjoni ta’ natura teknika. L-Imħallef Grixti hawn qed igħid li jekk f’idejn ġurnalist tasal email bir-ritratti tiegħu hu u jwettaq reat kriminali u dan l-email jixxandar, m’għandu jkun hemm ebda awtorita’ li tibda’ investigazzjoni dwar il-każ.

Din is-sitwazzjoni hi agħar minn waħda tal-waħx. Jekk l-Imħallef Grixti għandu raġun, mil-lum ‘il quddiem kulma għandhom jagħmlu l-kriminali kollha hi li jiżguraw li l-provi dwar ir-reat kriminali li jkunu wettqu jkun aċċessibbli fuq il-kompjuter tagħhom biex imbagħad b’xi mod dawn il-provi jsibu ruħħom f’idejn xi ġurnalist li jkun jista’ jxandarhom. Din ma tkun xejn ħlief għotja ta’ immunita’ mill-prosekuzzjoni u saħansitra anki mill-investigazzjoni.

Dawk li jinsabu mgħomija bil-preġudizzji razzjali x’aktarx juru ċiniżmu fil-konfront tal-fatt li l-Prim Ministru tal-Pakistan ġie kundannat iservi 10 snin fil-ħabs f’pajjiżu minħabba l-provi li nkixfu kontrih bis-saħħa tal-Panama Papers. Is-saltna tad-dritt f’dan il-pajjiż iffunzjonat.

Giovanni Grixti jista’ wkoll jaqra’ l-akkużi li ġew preżentati xahar ilu waqt grand jury f’Manhattan li fihom issemmew erbat irġiel b’rabtiet ma’ Mossack Fonseca li l-allegata attivita’ kriminali tagħhom inkixfet permezz tal-Panama Leaks. M’għandniex xi ngħidu, qabel ixxandru d-dokumenti u l-preżentazzjoni tal-akkużi saret investigazzjoni, instemgħu ix-xhieda u ngħata verdett u f’dan l-istadju nafu n-natura tal-akkużi x’inhi. Dawn issa ser jgħaddu ġuri u jiġu kundannati ġaladarba l-Qorti tkun sodisfatta li nkisret il-liġi.

Dan il-proċess Giovanni Grixti ma ppermettieħx. Iddeċieda li l-provi ma jgħoddux qabel dawn tħallew jiġu mgħarbla. Affarijiet tal-ġenn.

Nafu wkoll bl-istorja dwar kif il-Pulizja fil-Ġermanja f’Novembru wettqet tfittxija fl-uffiċċji ta’ Deutsche Bank biex tiġbor aktar provi ma’ dawk li diġa’ kellha f’idejha bis-saħħa tal-Panama Papers.

Is-serjeta’ titlob li l-affarijiet għandhom jitmexxew b’dan il-mod. Il-provi “prima facie” jinizjaw investigazzjoni u din tagħti lill-awtoritjiet il-motivazzjoni biex jinġabru aktar provi li jkunu jistgħu jintużaw biex ikun hemm kundanna. Lil Simon Busittil il-bieraħ Giovanni Grixti qallu li kien qed jiċħad it-talba tiegħu biex tinbeda’ inkjesta għar-raġuni li Simon Busuttil ma’ kellux il-kwalita’ ta’ provi li setgħet tinġabar biss wara li tkun saret tfittxija bħal dik li għamlet il-Pulizija Ġermaniża f’Novembru fid-Deutsche Bank.

Simon Busuttil m’għandux dawn is-setgħat. Ħadd m’għandu dawn is-setgħat. Bis-saħħa tad-deċiżjoni li ħa, Giovanni Grixti ħalla l-provi jisparixxu – ippruvaw ifhmuha din – u ġab l-iskuża li dawn ma ngħatawlux.

Ħawwadni ħa nifhem.

Skond l-Imħallef Giovanni Grixti, il-Pulizija – dejjem jekk jaqdu d-dmir tagħhom – kif isiru jafu b’reati ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin?