Jeħtieġ li nibqgħu ninsistu

By
2019-01-11T18:05:30+02:00Wed, 9th Jan '19, 14:03|0 Comments

Meta l-ġustizzja tiġi mċaħħda, jeħtieġ li nibqgħu intambru sakemm isseħħ. Ma nistgħux naqtgħu qalbna. L-għatx għall-ġustizzja m’huwiex logħba, jaħsbuha kif jaħsbuha tal-Partit Laburista u dawk li jaħsbuha bħalhom fil-Partit Nazzjonalista. Il-ġustizzja la taf b’rebbieħa u lanqas b’telliefa. Jekk il-ġustizzja tibqa’ ma ssirx mal-kriminali għax dawn huma setgħana u għax il-liġijiet ma jgħoddux għalihom, nistgħu ngħidu li pajjiżna jinsab immexxi mill-ħallelin. Illum hawn inqas sigurtà milli kien hawn il-bieraħ.

Aħseb ftit. Din mhix kwistjoni dwar it-tbissim stupidu ta’ Konrad Mizzi. Jew dwar ix-xewqa li narawh b’espressjoni ndannata fuq wiċċu. Lanqas m’hi dwar kemm se jrażżan lilu nnifsu Keith Schembri li bħalissa għaddej xalata jaħtaf kemm jiflaħ u jibni l-imperi biex iservuh mhux biss għaż-żmien li Muscat jibqa’ Prim Ministru iżda għal żmien ħafna itwal.

Dawn jagħmlu biss parti żgħira mill-istorja.

Bis-sentenza li ta l-bieraħ Giovanni Grixti ta daqqa ta’ mazza lil żewġ aspirazzjonijiet bażiċi li lkoll nistennew mis-sistema legali tagħna.

L-ewwel: id-dritt li jkollna rimedju meta, tkun xi tkun ir-raġuni, l-istituzzjonijiet li għandhom ir-responsabbilta’ li jinvestigaw reati kriminali jonqsu mid-dmir tagħhom. Din m’hi xejn ħlief kwistjoni ta’ ġustizzja. Dan bħal meta jkun hemm tifel li jirrabja u jindanna meta jara lill-ġenituri tiegħu jagħmlu l-preferenzi ma’ ħutu l-oħrajn. Meta tkun imqareb int, taqlagħha fuq rasek. Iżda meta jkunu mqarbin huma, jagħlqu għajn waħda u jagħmlu tabirruħom li ma ġara’ xejn. Mhux sewwa. Mhux ġust.

Is-sewwa u l-ġustizzja huma ħtiġiet intuwittivi li nkunu neħtieġuhom anki meta nkunu għadna tfal. Hawn qed igħidulna li f’każ li l-Pulizja u l-prosekuturi ma jimxux b’ġustizzja magħna u jagħmlu l-preferenzi, aħna ma nistgħux irnessqu l-ilment tagħna l-Qorti qabel ma nkunu għamilna aħna stess – mingħajr setgħat ta’ xejn – dak li suppost għamlu l-Pulizija u l-prosekuturi.

Qishom qed jgħidulna li jeħtieġ li nipproduċu l-ġbejna mingħajr ma jkollna l-ħalib

Is-sentenza tal-bieraħ għolliet id-delinkwenza f’istituzzjoni – delinkwenza kif kien sejjħilha Silvio Camilleri li sas-sena li għaddiet kien il-Prim Imħallef u li kien tkellem fis-sens li rimedju jista’ jiġi akkwistat mingħand il-Qorti meta jkun hemm istituzzjonijiet oħra li jonqsu mid-dmir tagħhom. Issa qed nintebħu li t-tamiet tagħna li ssir ġustizzja mill-qrati qed igħibu wkoll.

Is-saltna tad-dritt tinsab fl-għafja tal-mewt.

It-tieni: bis-saħħa tas-sentenza tal-Imħallef Grixti tal-bieraħ, Malta saret ġurisdizzjoni fejn mhux possibbli li jsiru kundanni mill-qorti għar-reat ta’ ħasil ta’ flus. Il-veru każ li dan kellna bżonn fiċ-ċirkostanzi biex inkomplu nirranġaw ruħna għall-festi!

Meta kien jaqblilha tagħmel dan, Malta kienet tagħlaq għajn waħda fil-konfront tal-ħasil tal-flus. Iżda madwar id-dinja kienet tirreklama lilha nnifisha bħala ġurisdizzjoni “white-list” armata b’liġijiet Ewropej sofistikati mmirati biex jikkumbattu l-ħasil tal-flus. Irreklamajna lilna nfusna bħala pajjiż li minnu l-kriminali ma jkunux jistgħu jgħaddu flushom u bħala pajjiż li ma jgħattix xtur politiċi korrotti, spaċċjaturi tad-droga, negozjanti tal-armi jew traffikanti tal-bnedmin. Pinġejna lilna nfusna bħala pajjiż fejn il-liġijiet huma solidi, fejn il-pulizija twettaq dmirha u fejn il-qrati jibżgħu għall-indipendenza tagħhom.

Kulħadd kien jaf dan kien biss qerq u l-iskandlu tal-Pilatus kien xhieda ta’ dan. U waqt li kienet qed tħambaq dwar kemm konna lħaqna l-qiegħ, Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata.

Dan ma kienx ikun meħtieġ (mhux għax qatt xi darba kien) li kieku kellna l-benefiċċju tas-sentenza tal-Imħallef Giovanni Grixti qabel il-bieraħ. Is-sitwazzjoni issa hi ċara.

Jeħtieġ nintebħu li issa nżilna ferm aktar fil-qiegħ minn żmien meta feġġ l-iskandlu tal-Panama.

Qabel inkixef l-iskandlu ta’ Mossack Fonseca, il-Panama kienet ukoll tagħlaq għajn waħda fil-konfront tal-ħasil tal-flus. Iżda hekk kif inkixfu l-għawwar kollha, il-Panama ma qalitx dak li qal l-Imħallef Grixti l-bieraħ: “eh, id-dokument kienu riżultat ta’ hack. L-informazzjoni li fihom ma tistax tintuża biex tiġi nfurzata l-liġi. L-informazzjoni kienet biss spekulazzjoni ta’ Simon Busuttil”.

Il-Panama ma qalet xejn minn dan kollu.

Iżda lil Mossack, lil Fonseca, lil Jacquiline Alexander u lil Luis Quenelle ġabrithom, qaflithom il-ħabs u inbdew proċeduri ta’ estradizzjoni u ta’ ittri rogatorji u ġudizzjarji imsejsa fuq dak il-“hack” u seħħew taħrikiet, kundanni u pieni. Mhux hekk biss, iżda l-Panama kkoperat mal-forzi tal-pulizija tad-dinja biex inqabdu numru ta’ ħassiela ta’ flus.

Meta l-Panama nqabdet, għaġġlet qatigħ biex turi lid-dinja li l-affarijiet kienu ser jinbidlu għall-aħjar.

Iżda meta politiċi Maltin kienu nqabdu bl-istess illegalitiajiet fil-Panama, il-Pulizija Maltija u l-prosekutur Malti njoraw il-provi kollha, u wara li l-Qorti tal-Maġistrati ordnat li dawn il-provi kellhom jiġu mgħarbla, il-Qorti tal-Appell ġabet lil din l-ordni fix-xejn.

X’taqbad tagħmel? Taqta’ qalbek? Jekk naqtgħu qalbna mhux biss inkunu qed inħallu lil Joseph Muscat u lill-klikka tal-Panama jgħadduha lixxa. Inkunu qed nidfnu s-saltna tad-dritt f’Malta darba għal dejjem.

M’hemmx appell mis-sentenza tal-Imħallef Giovanni Grixti minkejja l-fatt li ħadd ma ġie mħarrek. Il-qrati jaħtieġ jerġgħu jintalbu li tinbeda’ nkjesta. Sal-lum il-ġudikanti dejjem qablu li biżżejjed li jkun hemm indikazzjoni ta’ reat kriminali biex tinbeda’ nkjesta. Il-Maġistrat Aaron Bugeja kien irrefera ħewġ każi preżentati minn Simon Busuttil u żewġ Maġistrati bdew inkjesti li għadhom għaddejjin.

Jeħtieġ għalhekk li nibqgħu ninsistu sakemm ikollna rimedju li jagħmel is-sens u sakemm titwettaq il-ġustizzja.

Jeħtieġ ukoll nissuktaw il-ħidma politika. Adrian Delia u dawk ta’ madwaru għadhom ma esprimewx ruħħom pubblikament dwar din is-sentenza. X’aktarx li privatament bejn erba’ ħitan ħadu pjaċir bis-sentenza għaliex fiha qed jaraw opportunita’ biex – bħalma għamlu fil-każ tal-inkjesta Egrant – jaraw lill-mod ilġdid jgħaffeġ lill-mod il-qadim. Għalhekk ikun ta’ xejn li wieħed joqgħod iħabbat fuq il-bieb ta’ dawn in-nies.

Bis-sentenza jew mingħajrha, tibqa’ r-responsabbilta’ ta’ Lawrence Cutajar li jibda’ nkjesta msejsa fuq il-provi li ilhom li nkixfu. Din ir-responsabbilta’ m’huwiex jerfagħha u jeħtieġ inkomplu ninsistu li jerfagħha.

L-istess jingħad fil-konfront ta’ Peter Grech, l-Avukat Ġenerali li għadu ma stembaħx minn ngħasa.

Il-Pulizija, l-prosekutur, il-partiti politiċi u l-Parlament naqsu fil-konfront tagħna. Issa kien imiss li jonqsuna l-Qrati.

Nistgħu naqtgħu qalbna u nibgħatu kollox jixxejjer.

Jew inkella nistgħu nibqgħu ninsistu.