Jista’ jkun li għadkom ma sibtux il-ħin biex taqraw id-diskors sħiħ li kien għamel ftit ġimgħat ilu l-Imħallef Vincent De Gaetano dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Kien qed jitħaddet dwar l-istat tas-saltna tad-dritt f’Malta: mid-diskors kollu dan li ġej hu ta’ min jixtarru:

“X’aktarx li Malta hi l-unku pajjiż fid-dinja ċivilizzata fejn, ħlief għal meta l-Pulizija eżekuttiva jew l-Avukat Ġenerali iwittu t-triq biex Maġistrat ikun jista’ jniedi nkjesta in genere, f’kull każ ieħor il-Maġistrat ikollu jagħti lill-persuna suspettata l-informazzjoni kollha dwar ir-rapport, dwar l-informazzjoni u dwar l-ilment li jkun sar kontrih qabel ikun jista’ jibda’ inkjesta u jkun irid jagħtih iż-żmien li jgħid tiegħu dwar jekk inkjesta għandhiex issir jew le (Art. 546(4A)). Din m’hi xejn ħlief sitwazzjoni tal-waħx.”

Issa qiegħed dan kollu fil-kuntest tas-sentenza li ta l-bieraħ l-Imħallef Giovanni Grixti. Dan kien preċiżament is-suġġett li l-bieraħ kien qed jiddeċiedi dwaru: il-fehmiet ta’ dawk il-persuni li dwarhom sar l-ilment dwar jekk inkjesta għandhiex issir jew le.

Li wieħed jiddeċiedi li jismagħhom diġà hi “deċiżjoni tal-waħx”. Min jaf l-
Imħallef Vincent De Gaetano kif kien jiddeskrivi sitwazzjoni fejn Imħallef f’pajjiż ċivilizzat, wara li jkun sema’ x’għandhom x’igħidu Joseph Muscat u l-klikka tal-Panama, jiddeċiedi li l-provi li jeżistu kontra tagħhom m’għandhomx jiġu investigati jew mgħarbla minn inkjesta.

Din m’hix kwistjoni teknika. Hi kwistjoni sempliċi. Xhud imur l-għassa tal-pulizija u jirrapporta li ra lil ħuħ joqtol lil ommu b’sikkina. Ħuħ inzerta li hu ħabib qaqoċċa mal-pulizija fl-għassa u l-pulizija jiddeċiedi li x-xhud għandu jiġi injorat.

Ix-xhud dan ma jaċċettaħx u jitlob lill-Qorti tordna li tinbeda’ nkjesta in vista tal-fatt li l-Pulizija naqset minn dmirha.

Hi sitwazzjoni tal-waħx li l-Qorti tkun mistennija li titlob lill-allegat qattiel jekk jaqbilx li għandi jiġi investigat. Lanqas titwemmen li l-Qorti tista’ ssib raġuni biex ma tinbediex inkjesta.

Imma s-sitwazzjoni hi dik li hi, inroddu kemm inroddu slaleb.