Minn awtur mistieden li jien naf li fl-imgħoddi kien f’karigi differenti fil-PN:

Dik hi dilemma morali: meta jkollok tagħżel bejn prinċipji jew valuri li għandhom l-istess importanza. Mhux faċli ssib tarf ta’ sitwazzjoni bħal din.

Dan kollu ġieni f’moħħi jien u naqra l-aħħar akkużi li saru fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni li, jeħtieġ niftakru, qed jokkupa kariga maħluqa mill-Kostituzzjoni. Dan ġieni f’moħħi mhux minħabba n-natura tal-akkużi, iżda minħabba l-mod kif dawk ta’ madwaru u ħbiebhom qed jiddefendu lil Adrian Delia.

Jekk irrid inkun ottimist, nażżarda ngħid li dawk li qed jiddefendu lill-“Kap” sabu dilemma morali ma’ wiċċhom meta – f’każ li hu tassew imbarazzanti kemm għalih kif ukoll għall-Partit li hu jmexxi – ġew biex jagħżlu għandhomx iżommu miegħu jew inkella jitolbuh iwarrab. Huwa ta’ tħassib serju l-fatt li bosta kienu dawk l-uffiċjali tal-PN, deputati parlamentari u oħrajn li lissnu kliem fis-sens li huma “leali lejn il-Kap tal-Partit”. Huwa ta’ tħassib kbir għaliex b’dan id-diskors jidher li l-boxxla morali tagħhom tefgħuha l-baħar.

Nammetti li jien m’għandi ebda dilemma ma’ wiċċi. Jien ilni żmien twil nivvota PN u jien ukoll tesserat iżda lanqas biss igħaddili mill-kuridur ta’ moħħi li nqiegħed il-lealta’ tiegħi lejn il-Kap fuq dak li l-kuxjenza tgħidli li hu moralment korrett. Il-kapaċita’ mentali tiegħi u s-sens ta’ korrettezza morali li għandi m’humiex effettwati ħażin bis-saħħa tas-sħubija tiegħi fil-PN. Fi kliem ieħor, il-lejalta’ tiegħi m’hix bla tarf jew mingħajr kundizzjoni.

Għalhekk nixtieq li nindirizzak direttament Dr Delia. It-talba psewdo-Franġiskana li int xandart fil-Facebook mhux biss għandha togħma ta’ umilta’ finta u ta’ att ta’ vendikazzjoni iżda turi wkoll li int m’għandekx dawk il-kwalitajiet li huma meħtieġa għall-kariga kostituzzjonali li int qed tokkupa.

Ħa nkun ċar. Jien niġi naqa’ u nqum mid-diffikultajiet li għandek fiż-żwieġ tiegħek. La krejtha issa trid toqgħod għaliha. Li hu ta’ tħassib kbir hu l-fatt li int suppost prim ministru alternattiv li għandek ma’ għonqok numru ta’ akkużi serji, kompriż l-akkuża ta’ vjolenza domestika, li hi kwistjoni taħraq li lkoll ninsabu fid-dmir li nitkellmu dwarha.

Din il-kwistjoni mhix xi ħaġa li għandna nisktu dwarha. Hi biss oħra mill-allegati reati kriminali li int – il-Kap tal-Oppożizzjoni – tinsab akkużat dwarhom f’inqas minn sentejn. Malta m’hix repubblika tal-banana u għahekk nesiġu l-korrettezza sħiħa minn kull min ikollu kariga pubblika.

Il-lagħqa li hemm madwarek qed juru li m’humiex jifhmu xi tfisser tassew id-demokrazija – iva, dak l-istess proċess demokratiku li wassal għall-elezzjoni tiegħek bħala mexxej li ta’ madwarek ta’ spiss isemmu – għaliex min ikun iffaċċjat anki minn kwart tal-allegazzjonijiet li int għandek ma wiċċek kien ikollu d-diċenza bażika li għallinqas jissospendi lilu nnifsu.

Dawk li jargumentaw li l-ewwel għandu jkun hemm “proċess legali” jeħtieġ li nfakkruhom li proċess legali ma jistax jiġi garantit sakemm l-akkużat ikun qed jokkupa kariga Kostituzzjonali. L-istess kif ma jistax jiġi garantit fil-konfront tal-klikka ta’ Kastilja.

U hu proprju hawn fejn int qed tonqos minn dmirijietek. Fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom, bil-korruzzjoni u l-kriminalita’ li qed jimminaw lill-istituzzjonijiet tagħna, il-ħobż li għandek f’ħalqek ċertament m’huwiex għal snienek.