L-awtur ta’ din il-kitba kien bgħatli l-ħsibijiet tiegħu wara li ħareġ ir-riżultat tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Din hija t-tieni parti li nkitbet wara li l-bieraħ ħarġu r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali għadhom kemm ixxandru. Ir-riżultat diżastruż li ġarrbu tal-Mod Ġdid il-Ħadd li għadda ġie konfermat bl-aktar mod ċar fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli.
Jien u nikteb l-ewwel parti ta’ kitbieti, ġietni t-tentazzjoni li nikteb xi ħaġa aktar milli ktibt iżda ddeċidejt li nibqa’ lura. Kif jista’ jikkonferma sid din il-website, nhar il-Ħadd li għadda stess għidtlu li r-riżultati ta’ Ħal Qormi u tas-Siġġiewi kienu ser jikkonfermaw dak li kont bassart: jiġifieri li r-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ma kienu xejn ħlief botta fil-konfront tal-amministrazzjoni tal-Mod Ġdid.
Dan jikkonfermawh ir-riżultati li nkisbu f’dawn iż-żewġ lokalitajiet (u f’xi oħrajn).
Nibdew b’Ħal Qormi, il-lokalità ta’ Clyde Puli. Miż-żminijiet li fihom kien ikun imdaħħal f’taqtigħa wara oħra ma’ John Dalli anki fuq kwistjonijiet żgħar bħal ma hi l-kompożizzjoni ta’ kumitat lokali, Clyde Puli dejjem fittex li jikkonsolida l-preżenza tiegħu f’raħal twelidu. Din hi r-raġuni il-għala l-iżviluppi f’din il-lokalità żammejthom fl-attenzjoni tiegħi.
Ma sibtuhiex kemmxejn stramba li tal-Mod Ġdid ma kienux kapaċi joħorġu aktar minn 4 kandidati fuq Ħal Qormi? Iva. sewwa qrajtu: 4 kandidati biss.
Fuq Ħal Qormi, raħal twelid is-Segretarju Ġenerali tal-Mod Ġdid, ħarġu biss 4 kandidati, wieħed minnhom jiġi ħuħ. L-istess bniedem li kważi kuljum kien jinstema’ jirrepeti l-ħmerijiet tal-Mod Ġdid fuq il-mezzi tax-xandir tal-partit.
Imbagħad hemm Jerome Caruana Cilia – li ma Clyde Puli m’għandu x’jaqsam xejn – li ntalab jirtira mill-progamm tiegħu fuq ir-radju għax kien kandidat (tiftakru x’kont ktibt fl-ewwel parti tal-kitba tiegħi?).
L-elettorat Qormi tefa’ botta lid-dinastija ta’ Puli u spiċċa biex tella’ lil Jerome Caruana Cilia bħala minority leader b’distakk ta’ aktar minn 700 vot.
Prosit, Jerome Caruana Cilia: issa għandek tħejji ruħek biex tikkontesta l-elezzjoni ġenerali.
Hekk kif il-bieraħ bil-lejl soqt biswit id-Dar Ċentrali, lmaħt dwal fl-ewwel sular – l-uffiċċju ta’ Clyde Puli – mixgħulin. Forsi kien qed ifittex xi survey ieħor li seta’ mbagħad iperreċ fuq it-televiżjoni biex jipprova jsib skuża oħra għad-disfatta?
Is-Siġġiewi – din hi l-lokalità li fiha serviet bħala Sindku Alessia Psaila Zammit, mart Frank Psaila li kien qed jissemma’ bħala s-suldat tal-Mod Ġdid li kien ser jieħu post David Casa fil-Parlament Ewropew.
Issa nafu r-riżultat x’kien: aktar diżappunti għall-familja Psaila. Alessia Psaila Zammit tilfet postha bħala Sindku għalkemm bi żbrixx ġabet l-akbar ammont ta’ voti fost il-kandidati tal-partit tagħha.
Is-Siġġiewi (flimkien ma’ xi lokalitajiet oħra) qatt ma tmexxa’ minn maġġoranza Laburista. Għall-ħames snin li ġejjin, din hi r-realtà għal din il-lokalità.
Nistgħu nsemmu wkoll il-lokalità ta’ San Ġwann, il-post minn fejn titla’ Kristy Debono: lokalità li ntilfet għall-ewwel darba. Kristy Debono tellgħet kitba fil-Facebook b’ritratt tar-riżultat tal-kunsill tas-Swieqi. Ma semmiet xejn dwar San Ġwann. Min jaf għaliex hux.
Wieħed ma jistax ukoll ma jsemmix ir-riżultati li kisbu dawk li mill-ewwel ġurnata ħarġu għonqhom biex jiddefendu lil Adrian Delia u lill-Mod Ġdid. Wieħed minn dawn, Andrè Grech baqa’ l-art fil-lokalità ta’ Ħal Balzan u naqqas madwar 100 vot mill-aħħar elezzjoni ‘l hawn. Ieħor huwa Pierre Portelli li fl-elezzjoni tal-2013 f’Tas-Sliema Local ġab 727 vot: din id-darba ġab 310 vot. Oħra hi Charmaine Gerada li baqgħet l-art fuq l-Isla. fl-imgħoddi din serviet fil-Kunsill Lokali u hi l-President tal-Klabb tar-Regatta.
Ir-riżultati tal-Kunsilli lokali servew biex ġie konfermat dak li konna diġà rajna l-Ħad li għadda fir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej. Jiġifieri li l-votanti tal-PN. fil-biċċa ‘l kbira tagħhom, m’għandhiex fiduċja fil-Mod Ġdid. Lil dawk li xebgħu jirrepetu li Adrian Delia kien ġie elett demokratikament issa nista’ ngħidilhom li elezzjoni ħafna akbar urietu fejn hu, l-klikka ta’ madwaru u l-Mod Ġdid għandhom idabbru rashom. Il-kitba tinsab fuq il-ħajt – nittamaw li jekk Adrian Delia u l-klikka tiegħu din il-kitba m’humiex kapaċi jaqrawha, jaqrawhielhom il-membri tal-Grupp Parlamentari.
L-aħħar kelma dwar il-vot li ser jittieħed dalgħodu fil-Kumitat Eżekuttiv.
Jekk tal-Mod Ġdid iridu jkomplu jgħaxxqu l-affarijiet f’Għawdex, imisshom jivvutaw għal Jean Pierre Debono. Iżda jekk tal-Mod Ġdid lesti juru li jeħtieġ li jseħħu l-bidliet, l-ewwel messaġġ għandu jingħata dalgħodu. Kevin Cutajar mhux biss ħaqqu li jingħata s-siġġu li ħalla David Stellini iżda l-Għawdxin stess ħaqqhom li jkunu rappreżentati minn Għawdxi fil-Parlament.
Nittamaw li Adrian Delia jkollu konverżjoni Damaxxena u jimponi l-awtorità tiegħu fil-vot ta’ dalgħodu.
Jekk le, allura jfisser li għas-snin li ġejjin se nibqgħu ngħumu fl-istess ilma qiegħed.